Thursday, April 25, 2024

Aġġornat: Tindarab serjament wara ħabta f’San Pawl il-Baħar

Aqra wkoll

Mara ta’ 40 sena mill-Estonja, residenti n-Naxxar, sofriet ġrieħi serji wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku. Il-mara kienet passiġġiera f’karozza Mazda Demio li kienet misjuqa minn mara Ukrena ta’ 32 sena, residenti l-Marsa.

Is-sewwieqa għal xi raġuni tilfet il-kontroll tal-vattura u ħabtet ma’ tliet vetturi pparkjati tal-għamla BMW 3201, Renault Megane u Mitsubishi L200.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Aktar qabel…

INewsmalta tinsab infurmata li aktar kmieni għall-ħabta tal-4:45 p.m mara kellha tittieħed lejn l-Isptar minħabba ġrieħi li sofriet f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Telgħet ix-Xemxija f’San Pawl il-Baħar.

Minn stħarriġ illi sar irriżulta li sewwieqa mara ta’ 32 mill-Ukrajna residenti l-Marsa għal xi raġuni tilfet il-kontroll tal-vettura Mazda Demio li kienet qiegħda ssuq u ħabtet ma’ vettura pparkjata tal-għamla BMW. Mad-daqqa, l-ewwel vettura spiċċat laqtet ukoll żewġ vetturi oħra li kienu pparkjati fiż-żona.

Fil-post issejħet ambulanza u tim mediku li assistew mara passiġġiera fil-Mazda sakemm din setgħet tittieħed lejn l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Il-kundizzjoni ta’ din il-persuna għadha mhijiex magħrufa.

Il-Pulizija tinsab għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.

Sport