Sunday, December 22, 2024

“Agħti t-tama – agħżel fostering” – tittella’ l-konferenza nazzjonali dwar il-fostering

Aqra wkoll

Waqt konferenza nazzjonali dwar il-fostering, bit-tema “Agħti t-tama – agħżel fostering”, ġie mtenni l-appell għal aktar foster carers, b’mod partikolari għal trabi li twieldu fl-aħħar jiem u ġimgħat.

Il-Ħamis filgħodu, ġie mfakkar is-suċċess tal-fostering f’Malta, waqt il-konferenza nazzjonali li ssir kull sena dwar is-suġġett, imtella’ mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS.

F’ħarsa lejn iċ-ċifri attwali ġie nnotat kif bħalissa hawn 178 familja li fetħu djarhom u qalbhom għall-fostering, li bejniethom qegħdin jiffosterjaw 239 tifel u tifla.

Id-Direttur tad-Direttorat tal-Kura Alternattiva, Remenda Grech, qalet li “kellna wkoll 30 tifel u tifla għall-addozzjoni, li 11 minnhom ingħataw l-għajnuna mill-Bord tar-Review u tlieta minnhom ġew adottati. Id-19 l-oħra qegħdin jiġu segwiti skont il-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Kura Alternattiva biex 16 minnhom ġew adottati u t-tlieta l-oħra jinsabu fil-proċess biex jiġu adottati.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, is-Sur Alfred Grixti, qal li din il-konferenza ssir kull sena biex tevalwa x-xogħol li jsir fis-settur tal-fostering f’Malta.

“Il-fostering hu att sabiħ ta’ solidarjetà inter-ġenerazzjoni, li minkejja li jġib miegħu diversi sfidi, joffri wkoll ħafna sodisfazzjon u għalhekk inħeġġeġ aktar familji biex jiftħu qalbhom u djarhom u jersqu ’l quddiem biex jagħtu l-imħabba lil tfal li għandhom bżonnha ħafna.”

Fil-konferenza ġie spjegat kif il-foster carers jingħataw taħriġ fil-proċess ta’ tħejjija, fosthom dwar stil ta’ ħajja aktar san, First Aid, u sfidi.

Ġie rrimarkat ukoll li l-foster carers jingħataw allowance ta’ €120 fil-ġimgħa u allowance oħra ta’ Specialized Fostering.

F’messaġġ irrekordjat, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, qal li l-fostering hi vokazzjoni essenzjali li jadotta kull pajjiż biex joffri soluzzjoni f’sitwazzjonijiet fejn it-tfal ma jkunux jistgħu jibqgħu mal-familja naturali tagħhom.

Dr Falzon elenka x-xogħol li sar mill-Gvern Malti fl-aħħar snin u l-bidliet li saru fil-liġi biex jiffaċilita l-proċess tal-foster carers.

Għal din il-konferenza attendew diversi professjonisti mid-Direttorat tal-Kura Alternattiva.

Ekonomija

Sport