Thursday, April 25, 2024

“Aħna nemmnu fil-valur tal-paċi u mhux fl-armi”

Il-PM iħabbar li dan ix-xahar se joħroġ tender għall-bini mill-ġdid tad-dar tal-anzjani f’Bormla

Aqra wkoll

“Aħna nemmnu fil-valur tal-paċi… u ma nemmnux li għandu jkun hemm investiment u żieda fin-nefqa fl-armamenti.” Hekk iddikjara l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Robert Abela waqt li kien qiegħed jindirizza attività politika fit-Teatru Rialto f’Bormla.

Il-Prim Ministru rrefera għal dik li skontu kienet gidba assoluta mill-Oppożizzjoni meta qalet li minflok id-dar tal-anzjani fl-istess lokalità l-gvern kien se jkun qiegħed jagħmel proġett ieħor li m’għandux x’jaqsam mal-anzjani. Hawnhekk huwa ħabbar li aktar tard dan ix-xahar se jinħareġ it-tender biex id-dar tal-anzjani f’Bormla tinbena mill-ġdid. 

“U x’qalu l-populisti dakinhar, għamlu kampanja jgħidu illi minflok dar tal-anzjani l-Gvern ried jibni lukanda. Tiftakruha, li qalulna se twaqqaw id-dar tal-anzjani, se toħorġu l-anzjani minnha u imbagħad tidħku bin-nies u tibnu lukanda. Gidba u gidba sfaċċata kienet dik. Tat kemm hi gibda dik illi dax-xahar se joħroġ it-tender biex dik id-dar tal-anzjani tinbena mill-ġdid”, żvela l-Prim Ministru fid-diskors tiegħu. 

Il-Prim Ministru stqarr li r-rappreżentatni tal-poplu fil-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista qegħdin iwasslu l-messaġġ tal-paċi. Sostna li wara l-elezzjonijiet li ġejjin ir-rappreżentanti l-ġodda se jibqgħu jemmen f’dan il-valur u jmexxu ‘l quddiem l-valur tal-paċi.

Dr Abela qal filwaqt li l-Moviment Laburista jemmen fil-paċi ħaddieħor jemmen li l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għandhom iżidu n-nefqa fuq l-armamenti. Il-Prim Ministru qal li din hija d-differenza bejn il-Partit Laburista u dak Nazzjonalista hekk kif dawn tal-aħħar jemmnu fl-investiment fl-armi, il-Partit Laburista jemmen fl-investiment fin-nies.

Irrefera wkoll għas-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż fejn qal li dak li ksibna kien bis-saħħa tal-poplu u mhux b’kumbinazzjoni. Stqarr li wieħed ma jistax jieħu for granted il-kisbiet miksubin hekk kif diversi pajjiżi Ewropej qegħdin jaraw l-ekonomiji tagħhom jidħlu f’riċessjoni.

Sport