L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi dalgħodu ċċelebra quddiesa fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-Sena Forensi fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.
Fl-omelija tiegħu, l-Isqof Awżiljarju rringrazzja lill-Imħallfin, Maġistrati, professjonisti legali u lil dawk kollha li b’xi mod jaħdmu f’dan il-qasam, għal dak kollu li jagħmlu b’mod korrett, għaqli u integru.
Huwa saħaq li l-kontribut tagħhom hu essenzjali għal soċjetà li trid tħares il-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem. Tkellem dwar dak li jgħid San Pawl biex naħsbu f’kulma hu veru.
Qal li f’soċjetà fejn kultant il-gidba u mifruxa u mħaddma, fejn il-midja soċjali spiss hi miżgħuda b’aħbarijiet foloz, li huma jimxu mal-verità hi għażla iebsa u kultant skomda imma hi l-unika għażla għal min irid jgħix b’mod responsabbli u jagħti kontribut tajjeb lis-soċjetà.
L-Isqof Awżiljarju kompla jgħid: “Aħsbu f’kulma hu xieraq. Aħsbu f’kulma hu ġust. Dan jgħinkom biex taħdmu għal ġustizzja b’mod imparzjali, mingħajr ma tħarsu lejn wiċċ ħadd, mingħajr pressjoni minn ħadd u biex f’din il-ħidma tkunu ispirati mill-valuri tal-integrità u tal-onestà li huma valuri neċessarji biex tista’ sseħħ il-ġustizzja vera.”
Tenna li meta jaħdmu għal dak li hu ġust, ikunu qed jaħdmu kontra mentalità li tħaddan kull tip ta’ illegalità u ta’ tnawwir tal-pedamenti tas-soċjetà. Appella wkoll biex jaħsbu f’kulma hu safi, li dan għandu jgħinhom “biex jitbiegħdu minn kull tip ta’ qerq, mill-mentalità fejn il-ħażin jitqies neċessarju, fejn il-korruzzjoni, it-tixħim u l-ffrodi jitqiesu b’mod qarrieqi bħala mezz ta’ għajnuna, ta’ qadi lil min hu fil-bżonn, kważi qishom xi valur li għandek tfaħħru.”
L-Isqof Awżiljarju temm jgħid: “Il-Mulej ibierek il-ħidma tagħkom u jgħinkom iżżommu kuxjenza ċara u taġixxu b’sens ta’ responsabbiltà biex tkunu preżenza skomda għal min ma jridx jimxi sewwa u sinjal ta’ tama għal min irid jgħix sewwa.”
Preżenti għal din il-quddiesa kien hemm ukoll il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard u l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia.