AKTAR ANZJANI JIBQGĦU FID-DINJA TAX-XOGĦOL

0
2

Iktar nies qed jagħżlu li jibqgħu jaħdmu anke wara li jilħqu l-età tal-irtirar. Dan il-fenomenu jista’ jiġi meqjus bħala li fih it-tajjeb u l-ħażin tiegħu. Dan għaliex f’ekonomija li ma tkunx qed toħloq impjiegi ġodda, dawk li jibqgħu jaħdmu wara l-età tal-irtirar ħafna drabi jitqiesu li qed jimblokkaw l-opportunitajiet ta’ xogħol għal min hu iżgħar minnhom. Mill-banda l-oħra, dawk li jibqgħu jaħdmu jkunu b’xi mod qegħdin jgħaddu l-esperjenzi tagħhom lil ħaddiema iżgħar minnhom fl-età.

Malta mhix eċċezzjoni. Fil-kuntest lokali, l-ekonomija Maltija tant hi b’saħħitha u baqgħet reżiljenti matul is-snin, illi persuni li jkunu laħqu fl-età tal-irtirar jibqgħu fl-impjieg u kif ukoll qed jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ impjieg għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Tant hu hekk illi ż-żgħażagħ li jispiċċaw mill-iskola b’ċertu kwalifiki qed isibu xogħol minnufih. 

Dan huwa magħruf għax ċifri li joħorġu minn żmien għal żmien qed jikkonfermaw dan. B’danakollu ma jfissirx li ma hemmx min jagħżel li jieqaf mix-xogħol malli jilħaq l-età tal-irtirar. Għaldaqstant din il-kategorija ta’ nies jeħtiġilha li tipprepara għal dik l-eventwalità li ġġib magħha sfidi u bidliet fl-istil ta’ ħajja ta’ dak li jkun.

Dan għaliex huwa ppruvat b’mod xjentifiku illi l-irtirar mix-xogħol huwa iktar proċess li wieħed irid jidra milli t-tmiem ħesrem ta’ fażi tal-ħajja u l-bidu ta’ oħra. Studji li saru mal-medda tas-snin jikkonfermaw li meta persuna tirtira għal raġunijiet li mhumiex marbuta ma’ saħħa, tmur għall-aħjar wara l-irtirar.

Sadanittant, ta’ min wieħed jinnota li f’dawn l-aħħar snin komplew jiżdiedu l-pensjonanti li jagħżlu li jibqgħu fid-dinja tax-xogħol anke wara li jilħqu l-età tal-irtirar. U l-Gvern Malti jemmen bi sħiħ li għad hemm bżonn jinvesti aktar f’dawn il-persuni fejn qegħdin jiġu offruti servizzi ta’ gwida u korsijiet lil dawk kollha li jixtiequ jidħlu fis-suq tax-xogħol jew ikompli bil-karriera tiegħu wara l-irtirar. 

Barra minn hekk, il-Gvern qed ikompli joffri inċentivi fiskali lil dawk il-pensjonanti li jibqgħu attivi fis-suq lokali. Għandna għax nifhmu li dawn l-għajnuniet se jibqgħu għaddejjin, kif wara kollox hemm elenkat ukoll fil-manifest elettorali Int Malta. 

Fil-fatt, proposta minnhom tgħid li l-Gvern irid ikompli jinkoraġġixxi lil dawk li jagħlqu 61 sena u jibqgħu jaħdmu minkejja li jkollhom biżżejjed bolol biex jirtirar. Tant li mistenni jkun introdott benefiċċju addizzjonali ta’ €500 fis-sena bħala forma ta’ rikonoxximent għall-impenn tagħhom. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here