Beda l-proċess biex jinfetħu tliet Ċentri Reġjonali ġodda għas-Saħħa Mentali, li se jkunu ċentri integrati ta’ kura multidixxiplinarja qrib il-komunità, sabiex jissaħħu l-aċċessibilità, il-kontinwità u l-koordinazjoni tas-servizzi tul il-ħajja.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Ian Borg fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputata Laburista Mariah Meli.
Dr Borg spjega kif il-Ministeru għas-Saħħa qed ikompli jimplimenta miżuri konkreti, allinjati mal-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa Mentali, biex jissaħħu l-promozzjoni tas-saħħa mentali, l-iżvilupp tal-life skills u r-reżiljenza, b’enfasi fuq prevenzjoni u intervent bikri.
Fost oħrajn, is-servizz għas-saħħa mentali joffri screening mentali perinatali għall-ommijiet u s-sieħba tagħhom, li jkompli fl-ewwel snin tat-tarbija permezz ta’ professjonisti tas-saħħa mentali. Dan jippermetti identifikazzjoni bikrija u appoġġ kliniku fejn meħtieġ.
Id-Deputat Prim Ministru kompla jgħid li fuq livell edukattiv, il-programm Mental Health First Aid qed jiġi implimentat b’mod sistematiku fid-disa’ sena u fost l-edukaturi f’kull tip ta’ skola. Il-korsijiet qed jiġu estiżi wkoll perenzz tal-Kunsilli Lokali sabiex jiżdied l-aċċess tal-komunità għal għarfien u ħiliet essenzjali.
Dr Borg ħabbar ukoll li fil-futur qarib se jiġi ffirmat Memorandum of Understanding ‘Maximize Mental Health and Well-being and Build Resilience in Children” bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Ministeru għall-Edukazzjoni, li jsaħħaħ il-promozzjoni tas-saħħa mentali fit-tfal permezz ta’ programmi ta’ għarfien, intervent bikri u attivitajiet ta’ reżiljenza, kif ukoll permezz ta’ kollaborazzjoni aktar strutturata bejn is-servizzi tas-saħħa mentali u l-iskejjel.
Huwa temm jgħid li dawn il-miżuri jikkonfermaw l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ il-prevenzjoni, l-għarfien u r-reżiljenza mentali b’mod konsistenti u sostenibbli.









