Tlitt ijiem ta’ luttu pubbliku f’Tehran, il-kapitali tal-Iran, għall-mewt tal-mexxej suprem l-Ayatollah Ali Khamenei li nqatel erba’ xhur ilu fl-attakki mill-Istati Uniti u l-Iżrael fuq l-Iran, intemmu bi spettaklu politiku ewlieni li Tehran ried juri lid-dinja.
Wara li d-difna tiegħu kienet ġiet posposta u b’hekk iċ-ċerimonja rarament tbiegħdet mit-tradizzjoni Iżlamika, il-korteo funebri enormi, li kien qed iġorr it-twiebet tal-Ayatollah u erba’ membri tal-familja tiegħu, mexa bil-mod il-mod tul rotta ta’ 10 kilometri li tulha kien hemm miljuni ta’ nies li kienu qed jieħdu sehem f’waħda mill-akbar laqgħat pubbliċi f’ħafna snin.
F’ġimgħa ta’ avvenimenti, il-korteo ta’ nhar it-Tnejn kien l-aktar sinifikanti b’ċerimonji kkoreografati bir-reqqa u mimlija messaġġi politiċi ta’ reżistenza u fl-istess ħin vendetta.
Madankollu, eluf ta’ nies, imweġġgħin minn żewġ gwerer f’inqas minn sena, inflazzjoni li telgħet għal madwar 80%, u l-weġgħat tal-protesti ta’ Jannar li għadda kontra l-gvern baqgħu ’l bogħod mill-funeral.
Xi wħud anzi jagħtu t-tort għas-sitwazzjoni li l-pajjiż sab ruħu fiha lill-mexxej suprem Khamenei, li kien ukoll il-kap kmandant, għar-ripressjoni tas-sigurtà li qatlet eluf ta’ nies.
Filmati mill-ajru tal-korteo funebri tat-Tnejn urew waħda mill-arterji ewlenin ta’ Tehran mimlija b’nies leali maħkuma min-niket u jgħajtu s-slogans karatteristiċi tar-Repubblika Iżlamika ta’ “mewt lill-Amerika” u “mewt lill-Iżrael”.
“Id-dmugħ jinbet mill-uġigħ u n-niket li jinbtu ġewwa persuna, u d-dinja tara din il-verità,” iddikjara l-President tal-Iran Masoud Pezeshkian, filwaqt li ċaħad b’qawwa r-rimarki tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump li qal li dan kien “dmugħ falz”.
Il-kommemorazzjonijiet komplew isiru l-bieraħ f’xi wħud mill-aktar siti sagri għall-Musulmani Shia, inkluż f’Qom, fin-nofsinhar ta’ Tehran, u wara f’Najaf u Karbala fl-Iraq. L-aħħar difna se ssir nhar il-Ħamis fis-Santwarju mifrux tal-Imam Reza f’Mashhad, il-post fejn twieled l-ayatollah u l-aktar belt qaddisa tal-Iran.
“Il-proċedimenti tal-funeral ġew imfassla biex ipinġuħ bħala aktar minn mexxej nazzjonali, figura reliġjuża u politika li l-awtorità tiegħu estendiet mad-dinja Musulmana kollha u b’mod partikolari l-Islam Shia,” osserva Mohammad Eslami, riċerkatur fl-Università ta’ Tehran.
Iżda għal ħafna oħrajn hemm ħarsa aktar ħarxa lejn il-wirt tiegħu. Ir-rivoluzzjoni li ppreserva kienet għal dinja li m’għadhiex teżisti.
L-Iran issa daħal f’era ġdida bit-tielet Mexxej Suprem tiegħu, Mojtaba Khamanei ta’ 56 sena, li għadu ma deherx fil-pubbliku minn mindu l-attakki mill-ajru li qatlu lil missieru lilu darbuh gravi.









