Ilbieraħ, parti sew mill-blat li hemm ħdejn ‘l-Otters’ Marsalforn tpoġġa fuqu ammont kbir ta’ konkos bil-konsegwenza li nħolqot rabja kbira fost l-Għawdxin minħabba li l-post ma baqax oriġinali.
Kien dalgħodu, għall-ħabta tas-7.30 a.m., meta diversi uffiċjali mill-Ministeru għal Għawdex u uffiċjali mill-Awtorità tal-Ippjanar marru fuq il-post biex jaraw eżattament x’kien ġara.

F’kummenti ma’ dan is-sit, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li “kif ġejt informat b’dan ix-xogħol li ma kontx infurmat bih, tlabt għal aktar informazzjoni. Il-platform ma kinitx koperta bil-permessi u lanqas kellha awtorizzazzjoni biex issir… Għalhekk dalgħodu stess din bdiet titneħħa.”
Intant fi stqarrija l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li tibqa’ impenjata li tieħu azzjoni immedjata kontra kull forma ta’ żvilupp illegali, speċjalment f’żoni sensittivi bħall-kosta.
Minnufih kif l-Awtorità ġiet infurmata bis-sitwazzjoni ġewwa Marsalforn, ittieħdet azzjoni immedjata mill-Uffiċjali tal-Infurzar fi ħdanha.
L-uffiċjali kienu fuq il-post fis-7:30am, u fi ftit minuti kien diġà beda x-xogħol biex jitneħħa l-materjal li tpoġġa illegalment ilbieraħ.
“Ix-xogħol ta’ tneħħija qiegħed isir b’mod immedjat sabiex il-post jiġi rripristinat għall-istat oriġinali tiegħu fl-iqsar żmien possibbli, filwaqt li l-Awtorità tkompli ssegwi l-każ skont il-proċeduri applikabbli,” tgħid l-istqarrija tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Dan is-sit żar il-post u uffiċjali li qegħdin josservaw li jitneħħa l-konkos qalulna li kollox qiegħed isir bil-galbu u s’issa ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-blat ta’ taħt saritlu xi ħsara.









