…kawża ta’ dan qed issir ħafna ħsara mentali
“Qed naraw l-użu ta’ ‘polydrug use’ qiegħed dejjem jiżdied. Dan hu meta wieħed juża diversi drogi flimkien… Hawn min jemmen li għandu l-kapaċità li jbiddel il-durdata u jtejjeb il-funzjoni tiegħu bl-użu ta’ diversi tipi ta’ sustanzi.

“Qed niltaqgħu ma’ ħafna li qed jitkissru minħabba dan it-twemmin, għax qed iwasslu lilhom infsuhom għall-ħsara mentali serja. Huwa fatt ukoll li l-kwantità tad-droga fl-idejn żdiedet u l-potenza tagħhom isaħħet – allura l-ħsara awtomatikament se tiżdied.”
Hekk stqarr Noel Xerri, Kap Eżekuttiv tal-OASI waqt diskors li għamel meta l-istess OASI kienet qiegħda tfakkar il-35 sena anniversarju mit-twaqqif tagħha.
Inħarsu sew lejn ir-realtà
Il-Kap Eżekuttiv ikun skjett ħafna fid-diskors tiegħu meta jgħid li tajjeb li nkunu onesti ma’ xulxin. “Filwaqt li aħna niġġieldu biex persuni li naqbdu fl-addiction jerġgħu jieħdu f’idejhom ir-riedni ta’ ħajjithom, l-użu ta’ sustanzi qiegħed ikompli jiżdied…” jistqarr Noel Xerri.
Ikompli jgħid li l-użu tal-kokaina ilu jiżdied, mhux biss f’Għawdex u f’Malta, iżda anke fl-Ewropa. “L-istess nistgħu ngħidu għall-kannabis. Però issa l-ħsara u d-degradazzjoni fis-soċjetà relatati ma’ dawn it-tipi ta’ drogi qed tinħass sew…,” isostni Xerri filwaqt li qal li qiegħed jiġi nnutat żieda fil-persuni li qegħdin jitressqu l-qorti bi traffikar, kif ukoll żieda fil-każijiet ta’ vjolenza domestika ta’ tfal mal-ġenituri b’konnessjoni mad-droga.
Jistqarr li wasal iż-żmien li wieħed iħares sew lejn ir-realtà kif inhi. “Kull mument li qegħdin naħarbu din ir-realtà nkunu qegħdin insammru musmar fit-twiebet ta’ partijiet mill-ġenerazzjonijiet futuri. Ma nixtieqx niġi interpetat li qed inbeżża’. Aħna hawn fl-OASI ngħixu din ir-realtà kuljum fl-esperjenza tal-familji li naħdmu magħhom,” jgħid Noel Xerri.
Missier isib lill-ibnu mejjet fil-Milied
Il-Kap Eżekuttiv jirrakkonta fatt mal-mistiedna quddiemu ta’ missier li fil-Milied minflok jifraħ bit-twelid tal-Bambin, qiegħed kull sena jibki l-memorja ta’ ibnu li sabu mejjet propju f’din il-ġurnata.
Omm tilfet lil binha b’overdose
Fatt ieħor li tkellem dwaru l-Kap Eżekuttiv kien dwar id-droga fost persuni li jkunu ħadu l-programm diġà. Hawn Xerri jirrakkonta fatt dwar omm li tibki lil binha li wara 14-il sena fit-triq mhux daqshekk tajba kien sab l-għajnuna u permezz tal-OASI u t-terapisti li jaħdmu f’dan il-qasam kien ħareġ mill-vizzju.
Xerri jgħid iżda li l-omm irnexxilha tgawdih għal sentejn u nofs biss hekk kif reġa’ ltaqa’ mal-ħbieb li kienu għadhom jieħdu d-droga. Iben din il-mara kien reġa’ waqa’ fil-vizzju u miet b’overdose.
“Qed nara lil ommu u nismagħha tgħidilna: Grazzi li tajtuni lura lill-ibni għal sentejn… Imma l-weġgħa hemm qiegħda għax
Inkunu saqajna mal-art
Fid-diskors tiegħu Xerri stqarr li għalkemm hemm drogi li jintużaw biex iżidu l-pjaċir li jkun qiegħed jesperjenza l-individwu m’hemm xejn rikreazzjonali dwarhom.
“Dawn huma ftit mir-realtajiet li niltaqgħu magħhom. Naf li l-kollegi tagħna tal-Caritas u ta’ Sedqa jiltaqgħu ma’ dawn ir-realtajiet kuljum ukoll…” jgħid Noel Xerri.
F’35 sena rajna aktar minn 6,000 persuna
Il-Kap Eżekuttiv Noel Xerri qal li matul is-snin kollha li l-OASI ilha twettaq ħidma kbira fis-soċjetà kien hemm kien hemm aktar minn 6,000 persuna li għamlu użu mis-servizzi tagħha.
“L-OASI ma kinitx dejjem dak li hija llum. OASI bdiet b’servizz wieħed iffukat fuq terapija fil-komunità u evolviet biex illum toffri ħames servizz differenti, inkluż il-prevenzjoni, l-outreach, il-programm ta’ matul il-ġurnata, il-programm residenzjali u programmi fil-komunità,” ikompli jgħid Xerri.

Meta rrefera għal eluf ta’ persuni li ressqu lejn l-OASI matul dawn is-snin kollha, qal li dan in-numru ma jinkludix lil dawk il-persuni li ġew f’kuntatt mal-OASI permezz ta’ sezzjonijiet fl-iskejjel, fil-parroċċi u fuq il-postijiet tax-xogħol.
“Permezz tal-viżjoni ta’ Dun Manwel, u tal-impenn bla heda ta’ dawk kollha li ħadmu magħna f’xi żmien jew ieħor, lil dawn il-persuni jagħtina xi ftit tama, xaqq ta’ dawl jew anke ħajja ġdida,” tenna l-Kap Eżekuttiv.
Is-sena l-oħra kien hemm 316-il persuna li talbu l-għajnuna
Xerri għadda biex tkellem dwar is-sena li għaddiet fejn stqarr li kien hemm 316-il persuna li talbu l-għajnuna lil OASI. Jgħid li minn dan in-numru ta’ persuni kien hemm 218-il persuna li resqu lejn l-OASI minħabba problema ta’ kokaina filwaqt li 118-il persuna talbu l-għajnuna minħabba l-vizzju tal-alkoħol. Ma’ dawn imbagħad kien hemm 61 persuna li stqarrew mal-uffiċjali tal-OASI li għandhom problema minħabba l-kannabis.
“Bħalma dejjem għamilna lil dawn il-persuni offrejnilhom is-sapport professjonali tagħna, żidnielhom l-għarfien u anke ħeġġiġnihom biex ma jaqtgħux qalbhom imma jsibu fihom ir-rieda u l-enerġija biex jieħdu ħajjithom lura…
“Huwa għal dawn il-persuni u l-familji tagħhom, li sħabi l-professjonisti jiġu kuljum mimlijin bl-entużjażmu biex is-sustanzi ma jibqgħux jikkontrollaw u iddeterminaw il-ħajja ta’ min ikun qiegħed f’kuntatt mal-OASI,” kompla jgħid Noel Xerri fid-diskors tiegħu.
Prevenzjoni
Matul id-diskors tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tkellem dwar l-importanza tal-prevenzjoni. Jgħid li matul din is-sena l-OASI qiegħda tisħaq u l-kelma “responsabbli” flimkien ma’ sustanzi jew imġiba li fihom element ta’ pjaċir u ewrofija “mhux qed tagħmel ġid lis-soċjetà – pjuttost qed tiżvija liż-żgħażagħ tagħna…”
Jgħid li fis-snin 60 u 70 kien hemm xi tobba u dentisti li kienu jirrakkomandaw l-użu tas-sigaretti. “Il-konsegwenza ta’ din l-istrateġija żbaljata għadha qed tinħass illum. Illum l-ebda tabib ma joħlom li jgħid lil xi ħadd li jista’ jpejjep sigaretti b’mod responsabbli. Ejjew naraw ir-realtà kif inhi u ma nħallux is-soċjetà tgħaddi mill-istess martirju li għaddiet u għadha għaddejja minnu permezz tas-sigaretti,” jiddikjara Noel Xerri.
Laughing gas
Ma setax waqt id-diskors tiegħu ma jagħmilx referenza għal laughing gas li kien qiegħed isir popolari ferm fil-gżejjer Maltin. Jgħid li kienu qegħdin jirċievu diversi rapporti kemm mingħand persuni u anke entitajiet dwar l-abbuż qawwi tan-Nitrus Oxide fost it-tfal.
“Bl-għajnuna ta’ diversi entitajiet u professjonisti bħal Prof. Charmain Gauci u Dr Jeffrey Bonnici, irnexxielna flimkien inwasslu biex il-bejgħ tan-Nitrous Oxide għall-użu rikreazzjonali isir illegali. Il-Kunsill u s-Sindku t’Għajnsielem kienu sostenituri kbar f’din il-ħidma. Il-Ministru tas-Saħħa ta’ dak iż-żmien l-Onor. Jo Etienne Abela, u l-Onor. Thomas Bajada wkoll kienu ta’ spalla għalina f’din il-ħidma,” jgħid il-Kap Eżekuttiv.
It-tfal qed isiru vittmi tal-midja soċjali
Irrefera wkoll għal dak li qiegħed jiġri fost it-tfal minħabba l-midja soċjali. Xerri jgħid li bħala OASI taw ir-rakkomdazzjonijiet tagħhom dwar l-użu tal-midja soċjali u ħadmu ma’ organizzazzjonijiet bħal Smartphone Free Childhood Gozo u BeBrave
“Dan li qed niltaqgħu miegħu mhuwiex pjaċevoli. It-tfal tagħna l-aktar dawk vunerabbli qed jiġu avviċinati b’mod sottili fuq l-internet minn organizzazzjonijiet semi-organizzati biex bil-mod isiru vittmi ta’ min hu stess ġej minn sitwazzjonijiet serji f’ħajtu,” jiddikjara l-kelliem.
Appoġġ kbir mill-awtoritajiet
Fl-għeluq tad-diskors tiegħu l-Kap Eżekuttiv qal li l-OASI għandha appoġġ kbira mill-awtoritajiet.
Hu rringrazzja fost l-oħrajn lill-Ministru tal-Politika Soċjali l-Onor. Michael Falzon li jemmen bis-sħiħ fil-ħidma li twettaq l-OASI u reġa’ ġedded il-fiduċja f’din l-istituzzjoni permezz ta’ ftehom ġdid.
Irringrazzja wkoll lill-Isqof ta’ Għawdex Dun Anton Thewma u anke lill-President ta’ Malta Miriam Spiteri Debono
Ma setax jonqos li l-Kap Eżekuttiv ma jsellimx lil Dun Manwel, is-saċerdot li kellu ħolma u din il-ħolma llum kbiret u saret pilastru fis-soċjetà Maltija.
“Qed tħallilna dan il-legat sabiħ u ta’ importanza kbira għas-soċjetà. Inti, flimkien mal-fundaturi l-oħra sħabek, li ffurmaw l-ewwel bord ta’ diretturi, ingħaqadtu flimkien u wellidtu din l-ideà sabiex tkunu ta’ servizz għas-soċjetà Għawdxija u Maltija.
Kontu kapaċi tħarsu fil-bogħod u taqraw is-sinjali taż-żminijiet u sawwartu dan il-proġett li f’dawn il-35 sena serva ta’ kenn u wens għall-għexieren ta’ mijiet ta’ persuni, kemm dawk bi problemi ta’ użu tassustanzi, kif ukoll għall-familjari tagħhom,” temm jgħid Noel Xerri, Kap Eżekuttiv tal-OASI waqt li l-istess għaqda kienet qiegħda tfakkar il-35 sena anniversarju mit-twaqqif tagħha.









