Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli ddikjarat fil-Parlament li l-proġett għar-riġenerazzjoni ta’ Għar Lapsi huwa maqsum fi tliet fażijiet.
Meta kienet qiegħda twieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Julian Borg, il-Ministru Zerafa Civelli qalet li l-ewwel fażi tinkludi t-tiswija tar-rampa u l-bini ta’ turġien, kif ukoll il-bini mill-ġdid ta’ jetty għall-għawwiema.
“Ix-xogħlijiet qed isiru mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, li bħalissa bdew jagħtu l-aħħar saff ta’ konkos tul ir-rampa u jibnu taraġ li jagħti aċċess għall-bajja.”

Il-Ministru Zerafa Civelli kompliet tgħid li t-tieni fażi tinkludi l-bini mill-ġdid tal-iskall għall-bajja magħrufa bħala Għar Miżun, kif ukoll it-tqegħid ta’ blat tal-qawwi (li ser jittella’ mill-istess bajja) sabiex joffri protezzjoni mill-mewġ lil dan l-iskall. Ix-xogħlijiet fuq din il-fażi mistennija jibdew f’nofs Lulju u jieħdu erbgħa u tletin ġimgħa.
Il-Ministru Zerafa Civelli qalet ukoll li t-tielet fażi tikkonsisti f’interventi ta’ konsolidament tal-irdum, li parti kbira minnu ġġarraf kemm waqt kif ukoll wara l-maltempata Harry. “Fir-rigward ta’ din il-fażi, id-Dipartiment qed jaħdem ma’ konsulenti ġeotekniċi, li qed iħejju fid-dettall diversi interventi u pjanti meħtieġa għall-konsolidament ta’ dan l-irdum, sabiex tittejjeb s-sigurtà tan-nies li jiffrekwentaw din il-bajja. Hekk kif dawn il-pjanti jkunu lesti, jinbeda l-proċess ta’ xiri għax-xogħlijiet meħtieġa.”









