Il-wasla tat-turist

0
1

M’għadniex nistgħu ngħidu li f’pajjiżna huwa settur li jaħdem fis-sajf biss. Kien xi żmien hekk. Pajjiżna kellu settur turistiku staġjonali ħafna bl-attività marbuta ma’ dan is-settur tibda għal ħabta ta’ Mejju u tonqos sewwa f’Ottubru. 

Hekk jaf il-bidu tiegħu dan is-settur f’pajjiżna. Illum ir-realtà hija xorta oħra. Tista’ tgħid li għandna turisti ġejjin lejn pajiżna is-sena kollħa iżda xorta jibqa’ l-fatt li n-numru ta’ turisti jiżdiedu bil-bosta fix-xhur tas-sajf. Wieħed jista’ jifhem għalfejn. 

Pajjiżna, ġżira fil-Mediterran, tibqa’ destinazzjoni marbuta mal-baħar, max-xemx u l-attivitajiet kollha li jġib miegħu is-sajf Malti. Il-fatt li pajjiżna għandu klima aktar sħuna fix-xhur tax-xitwa sar jattira numru b’saħħtu ħafna ta’ turisti li jiġu jgawdu dak li joffri pajjiżna u jgawdu x-xemx u jaħarbu għal ftit jiem il-kesħa kbira. 

Dak li għandna x’noffru 

Pajjiżna għandu ħafna x’joffri. Għandna ħafna attrazzjonijiet u din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn pajjiżna huwa meqjus bħala destinazzjoni turistika ewlenija. Aktar ma jiġu turisti lejn pajjiżna, aktar hemm bżonn li naraw li l-attrazzjonijiet li għandna nieħdu ħsiebhom aħjar. 

Il-wasla ta’ aktar turisti jagħti lok għal ħtieġa ta’ aktar manutensjoni taż-żoni turistiċi, ta’ investiment akbar fil-faċilitajiet u fuq kollox li jinżammu standards aqwa ta’ dawn il-postijiet li t-turisiti jżuru bil-bosta. Dan ifisser ħtieġa dejjem akbar ta’ mmaniġjar aħjar taż-żoni turistiċi u investiment akbar f’upgrades u introduzzjoni ta’ servizzi ġodda. 

Żoni bħal San Pawl il-Baħar li riċentement raw investiment kbir fil-Pjazza ta’ Buġibba u moll ġdid li qed joffri konnetività bil-baħar lejn tas-Sliema u lejn Għawdex, jeħtieġ li jkomplu jiġu indukrati. Sar ħafna xogħol iżda il-proġetti ta’ tisbieħ jeħtieġ li jitkomplew speċjalment f’Tas-Sliema u bnadi oħra. 

Wirt Storiku 

Pajjiżna jista’ jiftaħar b’wirt storiku mill-isbaħ. Għandna siti storiċi li jirrakuntaw storja ta’ madwar 7000 sena. Tista’ tgħid li pajjiżna jista’ juri rakkont ta’ 7000 sena storja fi btala ta’ 7 t’ijiem. Din hija esperjenza li ftit pajjiżi oħra jistgħu joffru u nemmen li dan għandu jkun l-isforz ewlieni dwar kif nippreżentaw lil pajjiżna bħala attrazzjoni turistika. 

Matul is-snin, pajjiżna ra proġetti estensivi ta’ restawr u ta’ riġenerazzjoni ta’ swar, fortizzi, palazzi, knejjes u bosta siti storiċi oħra. Pajjiżna investa riżorsi kbar f’dan il-qasam u għal numru ta’ snin bosta fondi Ewropej kienu l-għajn finanzjajra ewlenija biex saru dawn il-proġetti. 

Il-finanżjament meħtieġ għal dawn il-proġetti huwa wieħed enormi u għalhekk jeħtieġ li jkun hemm pjan koordinat bi prioritajiet ċari liema proġetti se jkunu qed isiru fiż-żmien li ġej. Pajjiżna għandu numru kbir ta’ siti li jeħtieġu attenzjoni. Żgur li ma jistax isir kollox f’daqqa imma jeħtieġ li jkun hemm approċċ aktar strutturat kif isiru dawn l-interventi. 

Fil-feħma tiegħi, jekk irrdu nattiraw turiżmu ta’ kwalità’ ogħla, l-investiment fil-wirt storiku għandu jkun il-pern f’dan l-avvanz. 

Impatti negattivi 

La darba t-turiżmu jġib aktar nies lejn pajjiżna, hemm impatti li jeħtieġ li nindrizzaw wkoll. Numru akbar ta’ turisti jfisser aktar flus lejn pajjiżna. Wassal biex isir aktar investiment mis-settur privat f’lukandi u faċilitajiet oħra li joffru lit-turist fejn joqgħod sakemm ikun f’pajjiżna. Imma dan wkoll wassal għal impatti li jeħtieġ li jiġu indirizzati. 

Huwa evidenti li f’nurmu ta’ żoni hemm bżonn ta’ aktar infurzar biex impatti neġattivi ta’ aġir mhux aċċettabbli minn ċertu turisiti jiġi indirizzat. Fiż-żoni residenzjali fejn hemm preżenza ta’ aktar turisti minn qatt qabel hemm bżonn li l-affarijiet jiġu indirizzati. 

Il-gvern kien ħabbar id-dħul ta’  sistema ta’ on tħe spot fines għal persuni mħux residenti f’Malta li jwettqu dak li huwa magħruf bħala anti-social behaviour. It-tħaddim ta’ din is-sistema hija pass fid-direzzjoni t-tajba u jeħtieġ għalhekk li jitpoġġew ir-riżorsi meħtieġa biex din is-sistema tkun qed titħaddem u tibgħat il-messaġġ meħtieġ. 

Dan is-settur għal pajjiżna jibqa’ wieħed mill-pilastri ekonomiċi ewlenin. Għal bosta snin kien tista’ tgħid mutur ewlieni li ġab investiment qawwi u dħul b’saħħtu għal pajjiżna. Li nindirizzaw b’aktar entużjażmu dak li jeħtieġ li jinbidel ma jistax jitqies bħala xkiel għas-settur iżda investiment fid-direzzjoni biex verament nibdew naraw standards ogħla u turiżmu ta’ livell ogħla. Dawn l-għażliet u azzjonijiet huma ta’ benefiċċju għas-settur u għal pajjiżna. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here