Wednesday, July 24, 2024

Aktar fiduċja fil-prodott turistiku b’lukanda ewlenija tissiġilla investiment li kklassifikaha fil-livell ta’ resort ta’ ħames stilel

Aqra wkoll

F’indirizz li għamel fl-okkażjoni li mmarkat lukanda ewlenija f’pajjiżna tiġi klassifikata resort, il-Prim Ministru Robert Abela fisser l-investiment li sar bħala att ieħor ta’ fiduċja f’pajjiżna u fis-settur turistiku.

Innota li l-istaġjonalità fis-settur turistiku f’pajjiżna saret xi ħaġa tal-imgħoddi hekk kif ċifri uffiċjali juru żidiet rekord anki fix-xitwa u dan kollu jwassal biex investimenti bħal dak li sar f’Malta Marriott Resort & Spa, kien possibbli.

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-lukanda u apparti li ltaqa’ mal-ħaddiema, tkellem kemm mat-tmexxija lokali tal-lukanda u t-tmexxija ta’ Marriott International, li kienet preżenti għal din l-okkażjoni permezz taċ-Chairman tal-Bord, David Marriott.Il-Prim Ministru nnota l-investiment komprensiv ta’ €35 miljun li sar f’faċilitajiet tal-ogħla livell f’resort u lukanda ta’ ħames stilel.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern se jibqa’ jappoġġja l-industrija turistika li tikkontribwixxi bi sħiħ għall-ġid li jinħoloq fil-pajjiż.

Qal li l-istrateġija li għandu l-pajjiż għat-turiżmu issa mhux biss tiffoka fuq irkupru li pajjiżna laħaq ferm qabel kompetituri tiegħu wara pandemija iżda issa qed tħares lejn kif is-settur jista’ jkompli jimraħ f’realtajiet ġodda.

Il-Prim Ministru qal li s-suq turistiku f’pajjiżna jibqa’ marbut ma’ turisti li jiġu minn pajjiżi fl-Ewropa u dawk minn pajjiżi mhux mbiegħda minnha iżda wkoll qed jiġu turisti minn kontinenti oħra.

Hawn irrimarka għall-importanza tal-konnettività li tibqa’ kruċjali iżda saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li nkomplu ngħollu l-prodott turistiku ta’ pajjiżna permezz ta’ investimenti bħal dawn, li jgħinu anki fis-sostenibbiltà u l-kwalità fit-turiżmu.

F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru Robert Abela, li kien akkumpanjat mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo sostna li Malta qed tibqa’ tinvesti anki fl-infrastruttura u fi żvilupp sostenibbli biex il-pajjiż jibqa’ jgħolli l-prodott turistiku tiegħu bil-karatteristiċi partikolari li kapaċi joffri.

Ekonomija

Sport