Wednesday, July 24, 2024

Aktar investiment fil-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati

Aqra wkoll

Ġew implimentati żewġ miżuri oħra li se jseddqu aktar id-drittijiet u kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati. Waħda mill-miżuri kienet ġiet imwiegħda fil-manifest elettorali u anke fil-budget 2024 u l-miżura l-oħra ġiet proposta mill-unions tal-ħaddiema.

L-ewwel miżura hija indirizzata għall-pensjonanti tas-servizz. S’issa dawn kellhom il-pensjoni tagħhom iffriżata u ma kienux jieħdu żidiet tal-għoli tal-ħajja. Minn din is-sena dawn il-pensjonanti se jibdew jieħdu bonus addizzjonali għall-għoli tal-ħajja ekwivalenti għaż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja, sakemm ma jirċievux il-COLA minn bnadi oħra. Dan il-bonus se jingħata kull 6 xhur, sakemm il-persuna ma tibdiex taħdem jew tieħu pensjoni jew benefiċċju ieħor tas-sigurtà soċjali. F’dan il-każ il-bonus xorta jitħallas bir-rata li tkun akkumulat sa dakinhar.

It-tieni miżura tibni fuq inċentivi introdotti fl-aħħar ftit xhur li jinċentivaw lill-ħaddiema jestendu s-servizz tagħhom sew jekk hux permezz tat-tisħiħ tal-pensjoni tas-servizz bi 23% għal dawk li jestendu s-servizz sa’ 29 sena servizz, jew permezz ta’ allowance għal dawk li jestendu s-servizz b’erba’ snin oħra. Il-miżura hija maħsuba biex tagħti protezzjoni lill-pensjoni tas-servizz tal-ħaddiema mal-mument li jagħmel il-25 sena servizz b’mod meritevoli u jagħżel li jkompli jagħti aktar snin ta’ servizz.

Dettalji dwar dawn il-miżuri ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri u l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.

Il-Ministru Camilleri qal li dawn il-miżuri huma parti minn kullana ta’ miżuri li permezz tagħhom kontinwament ġew imsaħħa l-kundizzjonijiet u d-drittijiet tal-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati.  “Dan huwa l-aktar gvern fl-istorja li ħadem biex jagħti kundizzjonijiet u drittijiet lill-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati. Għal darb’oħra qed nuru li qalbna tħabbat mal-ħaddiema u qed inkomplu ninvestu f’dawk li jaħdmu għas-sigurtà tagħna”, qal il-Ministru Camilleri.

Fir-rigward tal-protezzjoni tas-servizz f’għeluq il-25 sena servizz, il-Ministru Camilleri qal li għal dan il-għan ġew ippubblikati avviżi legali fl-aħħar jiem biex tindirizza din il-miżura. Qal li wara snin twal ta’ servizz għal pajjiż u niesu, huwa xieraq li servizz meritevoli jkun garantit għall-ħaddiema fil-korpi dixxiplinati.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon qal li minn din il-miżura speċifika ser jibbenefikaw mal-500 persuna, li fihom jinkludu dawk li llum huma irtirati minn xi korp dixxiplinat u la jaħdmu u lanqas jirċievu xi pensjoni jew benefiċċju tas-sigurtà soċjali, u li issa se jibdew jirċievu iż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja.

“Dan il-benefiċċju ser jibdew jirċievuh f’forma ta’ bonus li jitħallas kull 6 xhur u li jakkumula kull sena b‘kull żieda tal-għoli tal-ħajja mogħtija mill-Gvern. L-ewwel ħlas ta’ dan il-bonus li jkopri l-ewwel 6 xhur ta’ din is-sena se jsir f’Ġunju, b’investiment ta’ €150,000 u b’hekk sal-aħħar tas-sena l-investiment se jaqbeż it-€300,000,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Ekonomija

Sport