Wednesday, July 24, 2024

April 2024 jara żieda qawwija ta’ turisti li żaru Malta

Aqra wkoll

L-għadd ta’ turisti li f’April li għadda żaru pajjiżna kien ta’ 306,279, żieda taʼ 14.8% meta mqabbla mal-istess xahar fl-2023. Minhom dawn kien hemm 281,665 turist żar Malta għal btala, mentri 16,800 turist ġie Malta għal raġunijiet taʼ xogħol.

Dan ħareġ minn rapport li ġie ppublikat mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) fejn intqal li fl-istess xahar kien hemm żieda fin-nefqa tal-istess turisti li żaru pajjiżna.

L-akbar għadd taʼ turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena li jammontaw għal 35.1%; warajhom kien hemm dawk fl-età taʼ bejn il-45 u l-64 sena li kien jammontaw għal 32.1%.

Ir-rapport jgħid li l-aktar ammont ta’ turisti li żaru pajjiżna fix-xahar ta’ April kienu ġejjin mir-Renju Unit, mill-Italja u minn Franza li b’kollox kienu jammontaw għal 48.5% tat-turisti kollha li waslu f’Malta.

Meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena taʼ qabel, l-għadd sħiħ tal-iljieli mqattgħin Malta telaʼ bi 3.8%, u għoddu laħaq il-1.7 miljun lejl. Il-biċċa l-kbira taʼ dawn l-iljieli li jammontaw għal 88.0% kienu mgħoddijin fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni mikrija. It-tul medju taʼ dawn iż-żjajjar kien jammonta għal 5.5 iljieli.

L-istess rapport jitratta wkoll dwar in-nefqa tat-turisti li f’April li għadda kienet tlaħħaq il-€239.6 miljun, li hija żieda taʼ 19.7% meta mqabbel fuq l-istess xahar sena qabel. L-infiq medju kull lejl kien stmat €142.9.

It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 159,391, jew 52.0%, tat-turisti kollha li żaru pajjiżna.

Intant fl-ewwel 4 xhur ta’ din is-sena 888,118-il turist wasal Malta, żieda taʼ 25.1% fuq l-istess perjodu tal-2023. L-għadd sħiħ tal-iljieli mgħoddijin telaʼ bi 12.7% u bʼhekk kważi laħaq il-5.1 miljun lejl.

Fl-istess l-ewwel 4 xhur ta’ din is-sena l-infiq sħiħ mit-turisti kien stmat li laħaq is-€646.8 miljun, 26.2% ogħla minn dak li kien irreġistrat fl-istess perjodu tal-2023. L-infiq sħiħ ras għal ras tela’ għal €728 mis-€722 li kien fl-istess perjodu tal-2023

It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 431,367, jew 48.6%, tat-turisti kollha li żaru pajjiżna.

Ekonomija

Sport