Monday, May 13, 2024

Aktar minn 1,800 first-time buyer li xtraw proprjetà fl-2023 applikaw għall-għotja ta’ €10,000 fuq 10 snin

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes ħabbar li sa issa aktar minn 1,800 first-time buyer li xtraw proprjetà fl-2023 applikaw għall-għotja ta’ €10,000 fuq 10 snin.

Il-Ministru Roderick Galdes fakkar kif permezz ta’ din l-għotja, li kienet wegħda elettorali ewlenija fil-Manifest Malta Flimkien, aktar minn 2,800 first-time buyer li fl-2022, “għamlu pass kuraġġuż u saru sidien ta’ darhom,” f’Ġunju li għadda, diġà rċevew l-ewwel pagament ta’ €1,000 fuq 10 snin u li din is-sena ser jirċievu t-tieni pagament minn għaxra.

“Din is-sena, minn Ġunju li ġej, dawk il-first-time buyers li xtraw proprjetà fl-2023 se jkunu qegħdin jirċievu l-ewwel pagament ta’ €1,000 fis-sena għall-10 snin li ġejjin,” spjega l-Ministru Galdes.

Il-Ministru enfasizza li din l-għotja, li tagħmel parti mil-lista twila ta’ skemi li tamministra l-Awtorità tad-Djar, hija investiment dirett fil-familji u ż-żgħażagħ tagħna, “li huma pijunieri tas-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna.”

“Wieħed mill-ikbar benefiċċji ekonomiċi ta’ din l-iskema huwa l-istabbiltà li pajjiżna għandu fir-rata ta’ home-ownership, rata li tlaħħaq it-82% u li hija waħda mill-ogħla rati fost il-pajjiżi Ewropej,” temm jgħid il-Ministru Roderick Galdes.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal li, bħala Awtorità, “kommessi li nibqgħu ninvestu fl-aspirazzjoni taż-żgħażagħ Maltin – dik li jsiru sidien ta’ darhom filwaqt li nifhmu dejjem aktar dan is-settur tant importanti permezz tad-data u r-riċerka.”

Dawk il-first-time buyers li daħlu fis-settur tal-proprjetà għall-ewwel darba fl-2023 u li għadhom ma applikawx għal din l-għotja għandhom jagħmlu dan mhux aktar tard mill-aħħar ta’ April billi jżuru https://bit.ly/Għotja10K.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Emanuel Psaila.

Sport