Wednesday, December 25, 2024

Aktar minn 180,000 resident Malti jsifru sat-tieni kwart tas-sena

Aqra wkoll

Fit-tieni kwart tal-2024, it-turisti kollha li ħarġu ʼl barra mill-pajjiż, li fil-fatt huma r-residenti taʼ Malta li siefru, kienu stmati li jlaħqu mal-189,404, biex bʼhekk baqgħu fl-istess ilma taʼ sena qabel. L-iljieli kollha mqattgħin barra mill-pajjiż laħqu l-1,213,539.

Dan sar magħruf minn statistika ppubblika mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) fejn qalet li f’dan il-perjodu msemmi saru bʼkollox 122,825 safra ʼil barra mill-pajjiż għal btala; warajhom kien hemm 37,978 safra li saru għal żjarat lill-ħbieb u l-qraba. Il-biċċa l-kbira taʼ dawn it-turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena – 47.7%, filwaqt li warajhom kien hemm dawk fil-kategorija taʼ bejn il-45 u l-64 sena – 29.3%.

It-turisti li siefru biex imorru fʼpajjiżi tal-Unjoni Ewropea naqsu bʼ1.6%, filwaqt li t-turisti l-oħra li siefru biex imorru fʼpajjiżi oħra żdiedu bʼ5.5%. L-Italja baqgħet il-pajjiż fejn l-aktar li jmorru n-nies minn Malta, bʼpersentaġġ taʼ 39.3% tas-safar kollu.

L-iljieli kollha mqattgħin mit-turisti li siefru fit-tieni kwart tal-2024 qabżu l-1.2 miljun lejl. L-akbar għadd taʼ dawn l-iljieli – 51.7% kienu mqattgħin fʼakkomodazzjonijiet mikrija. Matul dan is-safar, it-turisti qagħdu medja taʼ 6.4 iljieli.

Sena għal sena, bejn April u Ġunju l-infiq kollu mit-turisti li ħarġu ʼl barra mill-pajjiż żdied għal €169.6 miljun, li jiġi daqs medja taʼ €896 kull persuna.

L-NSO tkompli tgħid li fl-ewwel nofs tas-sena 2024, is-safar kollu ʼl barra minn Malta laħaq it-368,398 safra, li huma żieda ta’ 6.0% meta mqabblin mal-istess perjodu tal-2023. L-iljieli mqattgħin minnhom telgħu bi 3.3%, u qabżu ż-2.4 miljun lejl.

Barra minn hekk, l-infiq kollu tagħhom kien stmat li laħaq it-€329.9 miljun, li jiġi 11.0% aktar minn dak irreġistrat fl-istess perjodu fis-sena ta’ qabel.

Ekonomija

Sport