Sunday, May 5, 2024

Aktar minn 2,000,000 turisti f’Malta bejn Jannar u Novembru 2022

Aqra wkoll

It-turiżmu lejn Malta jidher li qabad xejra kostanti tant li matul l-ewwel 11-il xahar tas-sena l-oħra ġew Malta madwar 2,150,174 turist/a filwaqt li l-iljieli totali li dawn qattgħu hawn qabżu l-15.6 miljun lejl.

F’Novembru tal-2022 huwa stmat li żaru pajjiżna mhux inqas minn 174,460 turist li qattgħu f’Malta 1,203,802 iljieli. Dan ikompli jawgura tajjeb meta jitqies illi l-eqqel tat-turiżmu huma x-xhur tas-sajf aktar milli meta jkun riesaq l-istaġun tax-xitwa.

Mit-total kollu ta’ turisti f’Novembru, 144,631 żaru Malta għal btala filwaqt li 23,615 ġew għal skopijiet ta’ negozju. L-akbar għadd ta’ turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena segwiti mill-grupp ta’ età ta’ 45-64 sena.

Turisti mir-Renju Unit, l-Italja u Franza kienu jiffurmaw 42.4% tat-turisti kollha li żaru pajjiżna. Minn dawn, 171,060 waslu Malta bl-ajru u 3,400 ġew bil-baħar.

L-iljieli li t-turisti damu f’Malta żdiedu b’36.3% meta mqabbla ma’ Novembru 2021, u qabżu l-1.2 miljun lejl. L-akbar sehem ta’ ljieli kienu fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni mikrija.

In-nefqa totali li dawn iġġeneraw fl-ekonomija Maltija qabżet l-€144.1 miljun, żieda ta’ 55.8% fuq l-istess xahar ta’ sena qabel. In-nefqa medja kienet stmata għal €119.7 għal kull lejl.

In-nefqa totali tat-turisti bejn Jannar u Novembru kienet stmata għal €1.9 biljun.

Sport