Tuesday, June 30, 2026

Aktar minn 210 atleta għall-ewwel Tallinja Malta Youth International Athletics Festival

Aqra wkoll

Aktar minn 210 atleta żagħżugħ u żagħżugħa mill-Ewropa u lil hinn ikkonfermaw il-preżenza tagħhom għall-ewwel edizzjoni tat-Tallinja Malta Youth International Athletics, li se jsir nhar is-Sibt 4 ta’ Lulju fit-trakka tal-Matthew Micallef St John fil-Marsa.

Dan il-festival, organizzat minn Athletics Malta, u li mistenni jsir appuntament ewlieni fil-kalendarju tal-atletika, hu mmirat għal atleti mwielda bejn l-2009 u l-2015, bl-għan li joffri kompetizzjoni ta’ standard internazzjonali li anke jagħti ċ-ċans lill-atleti Maltin biex jikkompetu kontra atleti barranin ta’ livell għoli.

Ir-rispons għall-ewwel edizzjoni kien b’saħħtu, b’parteċipazzjoni ta’ kontinġent importanti mil-Lombardija, fl-Italja, iżda anke minn għadd ta’ pajjiżi Ewropej oħra u saħansitra mill-Afrika, biex b’hekk l-avveniment ikollu tassew karattru internazzjonali.

Aspett importanti ieħor ta’ dan l-avveniment huwa l-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ atleti ta’ Special Olympics, b’riflessjoni tal-impenn ta’ Athletics Malta favur l-inklużjoni u biex ikun żgurat li l-isport joffri opportunitajiet biex kulħadd jikkompeti, jiżviluppa u jeċċella. Il-livell ta’ interess juri wkoll id-domanda gal kompetizzjoni ta’ livell għoli għaż-żgħażagħ fir-reġjun u jsaħħaħ il-viżjoni ta’ Athletics Malta biex tistabbilixxi lil Malta bħala destinazzjoni għall-avvenimenti internazzjonali tal-atletika.

Dan l-avveniment hu appoġġjat minn Malta Public Transport bħala parti minn sħubija li din għandha ma’ Athletics Malta.

F’dawn il-jiem jinsabu għaddejjin l-aħħar preparazzjonijiet hekk kif l-organizzaturi qed iħejju biex jilqgħu l-atleti iżda anke kowċis u partitarji għal din l-ewwel edizzjoni. Il-pubbliku hu mistieden jattendi t-Tallinja Malta Youth International Athletics Festival u jagħti l-appoġġ tiegħu lill-ġenerazzjoni li jmiss ta’ atleti. Id-dħul huwa b’xejn b’avvenimenti matul il-ġurnata fl-Istadium Matthew Micallef St John nhar is-Sibt 4 ta’ Lulju.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport