Sunday, December 22, 2024

Aktar minn 600 persuni għadhom mitlufin wara t-terremot fit-Tajwan

Aqra wkoll

Timijiet tas-salvataġġ għadhom jaħdmu bla heda biex jilħqu aktar minn 600 persuna mitlufin, jumejn wara li l-gżira ta’ Tajwan intlaqtet minn l-agħar terremot f’dawn l-aħħar 25 sena. It-terremot b’qawwa ta’ 7.4 laqat qrib il-kontea ta’ Hualien fil-Lvant, fejn inqatlu disgħa u ndarbu aktar minn 1,000 persuna.
In-numru uffiċjali ta’ nies maqbuda fit-tifrik jew jew mitlufin żdied b’mod konsiderevoli u minn madwar 100 tela’ għal 646 il-bieraħ hekk kif in-nies bdew jibgħatu sinjal bit-telefon mir-reġjuni muntanjużi.

Il-biċċa l-kbira mhumiex maħsuba li huma fil-periklu iżda huma mwaħħla minħabba li għadd ta’ toroq sfrundaw. L-uffiċjali issa qed jippruvaw isibu l-aħjar mod biex isalvawhom minn fejn huma. Provvisti tal-ikel qed jintefgħu mill-ajru għal għexieren ta’ persuni maqbuda fiż-żoni milquta.

Tlieta mid-disa’ li mietu kienu mexjin fit-triq li twassal lejn il-Park Nazzjonali ta’ Taroko, imsemmija għal gorge monumentali, ftit barra Hualien. Mara oħra, għalliema mietet fil-bini li ġġarraf wara daħlet fih biex issalva l-qattus tagħha.

Fil-belt ta Hualien, il-kapitali tal-kontea fejn laqat it-terremot, l-isforzi ta’ għajnuna qed jipproċedu bi speditezza, bil-ħaddiema jużaw skavaturi u tagħmir tqil ieħor biex iwaqqgħu diversi bini li ġratlu il-ħsara.

Ħaddiema tal-għajnuna kellhom ineħħu blat enormi – daqs karozzi – li kienu waqgħu qrib il-linji tal-ferrovija sabiex is-servizzi tal-ferrovija jerġgħu jiġu għan-normal.
Qed jużaw ukoll ammonti kbar ta’ żrar u blat biex jibnu struttura ta’ 10 sulari magħrufa bħala l-bini Uranus, li ilu jxaqleb l-isfel minn mindu seħħ it-terremot, sabiex ma jitħallix jaqa f’każ ta’ theżżiżiet oħra.

It-terremot, li laqat 18-il kilometru fin-Nofsinhar ta’ Hualien, kien segwit minn aktar minn 200 theżżiża ta’ wara, li għexieren minnhom kienu ta’ qawwa mill-inqas ta’ 6.5 li xekklu l-isforzi ta’ tfittxija u salvataġġ. L-awtoritajiet Tajwaniżi avżaw li jista’ jkun hemm aktar theżżiżiet fil-jiem li ġejjin.

It-triq barra l-mina Qingshui ta’ Hualien – waħda mill-ħafna toroq li jduru tul il-kosta tal-belt ta’ Hualien – saret sempliċement frak wara li sfrundat. Rotot bħal Qingshui huma popolari fost it-turisti minħabba l-veduti spettakolari tagħhom mill-muntanji madwar l-Oċean Paċifiku. Iżda huma magħrufa wkoll li huma perikolużi ħafna minħabba l-possibbiltà ta’ valangi tat-tajn.

Ekonomija

Sport