Wednesday, April 24, 2024

Aktar minn tliet kwarti tal-ħaddiema Maltin iħossuhom mentalment b’saħħithom

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Aktar minn tliet kwarti tal-ħaddiema Maltin (77%) iddikjaraw li ma jħossux li għandhom problemi ta’ saħħa mentali. Dan joħroġ minn studju li sar fost 4,135 ħaddiem minn setturi differenti fejn ġiet analizzata s-sitwazzjoni preżenti b’rabta mas-saħħa mentali tal-ħaddiema Maltin fuq il-post tax-xogħol. 

Id-dettalji ta’ dan l-istudju, li huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu f’pajjiżna, ingħataw ilbieraħ waqt konferenza stampa fil-preżenza tal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela. Fl-istess konferenza ġie spjegat li l-istudju sar bejn Ġunju u Awwissu ta’ din is-sena, u b’kollaborazzjoni tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER).

Mill-istudju ħareġ kif 73% tal-ħaddiema Maltin huma sodisfatti bit-tip ta’ ħajja li qed jgħixu. Min-naħa l-oħra, tnejn minn kull ħames impjegati ddikjaraw li jesperjenzaw sodisfazzjon għoli fuq il-post tax-xogħol.

Kważi nofs il-ħaddiema Maltin irrapportaw gradi differenti ta’ sintomi relatati ma’ dipressjoni, filwaqt li wieħed minn kull erbgħa jista’ jeħtieġ għajnuna professjonali.

L-istudju juri wkoll kif l-ansjetà u l-istress jidhru li huma l-aktar kwistjonijiet ta’ saħħa mentali komuni fost l-impjegati Maltin. Fil-fatt, wieħed minn kull tliet ħaddiema jħoss jew juri sintomi ta’ ansjetà u stress, li jista’ jeħtieġu li jiġu indirizzati b’mod professjonali. 

Fil-kummenti tagħha, id-Direttur Ġenerali tad-DIER Diane Vella Muscat semmiet kif bħala Dipartiment investew f’dan l-istudju li fi kliemha kien essenzjali li jsir f’pajjiżna biex nifhmu aħjar din is-sitwazzjoni fil-gżejjer tagħna. 

Hija semmiet kif fl-aħħar sentejn minħabba l-pandemija żdiedu dawk li jaħdmu mid-dar u hemm tendenza ta’ ħaddiema li jkollhom jaħdmu aktar sigħat. Min-naħa l-oħra qalet li hemm l-element ta’ persuna li qiegħda taħdem waħedha u mhux bħala tim, fejn jista’ jkun hemm ukoll sintomi ta’ solitudni.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal bħala Gvern jinsabu impenjati li joffru l-aħjar kundizzjonijiet ta’ saħħa lill-ħaddiema flimkien ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar li jwasslu għal produttività aktar għolja. 

“Irid ikollna kuraġġ, il-ħaddiema nfushom fuq quddiem, biex ma jiddejqux li meta jħossu ċertu tip ta’ diffikultajiet jersqu ‘l quddiem,” qal il-Ministru Abela. Huwa temm jgħid li jkun tajjeb ukoll li dan is-suġġett jiġi diskuss ukoll mal-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).

Sport