Saturday, December 21, 2024

AKTAR SERVIZZI GĦALL-VITTMI TA’ VJOLENZA DOMESTIKA

Aqra wkoll

Il-Gvern huwa impenjat li jkompli jindirizza l-pjaga tal-vjolenza domestika, fil-forom kollha tagħha. Dan qed jagħmlu billi jniedi kampanji t’għarfien u anke jieħu miżuri li qegħdin iwasslu biex aktar nies jersqu ‘l quddiem u jitkellmu dwar is-sitwazzjoni li jistgħu jkunu fiha. 

F’pajjiżna ta’ sikwit nisimgħu b’każi fejn isseħħ din it-tip ta’ vjolenza, li tħalli warajha vittmi u anke marki fiżiċi u psikoloġiċi li jibqgħu hemm għal tul ta’ żmien. Stejjer li mhux biss jinvolvu lin-nisa, li jibqgħu l-aktar predominanti, imma anke vjolenza fuq l-irġiel. Huwa għalhekk li nemmnu li għandha tkompli l-ħidma sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra din il-pjaga u dan billi jitqajjem aktar għarfien dwar l-aċċessibilità tas-servizzi offruti.

Jekk wieħed iħares lejn is-sitwazzjoni f’pajjiżna jsib li fl-aħħar ħames snin żdiedu b’mod sostanzjali r-rapporti ta’ vjolenza domestika, bis-sena li għaddiet tkun l-aktar waħda li fiha saru rapporti (2,071), fejn it-total ta’ vittmi kienu jlaħħqu l-2,244. L-istatistika turi wkoll b’mod mill-aktar ċar kif għalkemm l-akbar għadd ta’ vittmi kienu femminili, it-total ta’ vittmi maskili kompla jiżdied minn sena għall-oħra. 

Quddiem dan kollu, l-għarfien jibqa’ kruċjali biex aktar nies isibu l-kuraġġ li jitkellmu dwar dak li jkunu għaddejjin minnu mal-istituzzjonijiet, li qed ikunu ta’ għajnuna kbira għall-vittmi. F’dawn l-aħħar jiem ukoll rajna kif is-servizzi offruti qed ikomplu jinfirxu anke fil-komunità u b’hekk jintlaħqu aktar nies. 

Hawn ta’ min isemmi kif fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet beda jopera l-ewwel hub għal vittmi tal-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Dan iċ-ċentru reġjonali, jinsab f’Santa Luċija, se jkun qiegħed joffri servizzi ta’ appoġġ u assistenza professjonali erba’ u għoxrin siegħa kuljum matul is-sena kollha. It-twaqqif ta’ dan il-hub sar ukoll wara li l-Korp tal-Pulizija waqqaf il-Gender Based and Domestic Violence Unit fi ħdanu lura f’Novembru tal-2020. 

Huwa ta’ sodisfazzjon li tara entitajiet governattivi jaħdmu flimkien biex setgħu jaslu għal dan il-proġett li se jkun ta’ servizz għall-vittmi. Min-naħa l-oħra, ta’ min ifakkar li żdiedu wkoll il-Maġistrati ffukati biss fuq dawn il-każijiet, ġew allokati aktar seduti sabiex jitħaffef il-proċess f’dawn il-każi, filwaqt li persuni f’relazzjoni jistgħu jiċċekkjaw jekk is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom għandhomx każi relatati ma’ vjolenza domestika. 

Nittamaw li dawn il-miżuri kollha jservu ta’ deterrent biex tonqos il-vjolenza domestika mis-soċjetà Maltija fejn għad hawn min ma jersaqx ‘il quddiem minħabba biża’ u theddid.

Ekonomija

Sport