Wednesday, July 24, 2024

Aleksander Ceferin mhux se jikkontesta l-elezzjoni tal-UEFA fl-2027

Aqra wkoll

Il-President tal-UEFA, Aleksander Ceferin, ħabbar li mhux se jikkontesta l-elezzjoni mill-ġdid fl-2027.

Huwa qal dan wara li l-UEFA ivvotat biex tibdel ir-regoli tagħha, li kienu jippermettu lis-Sloven ta’ 56 sena jerġa’ jmexxi u potenzjalment jibqa’ fit-tmun tal-korp governattiv tal-football Ewropew sal-2031.

Min-naħa tagħha, l-FA Ingliża kienet l-uniku nazzjon li oppona l-emenda tar-regola fil-Kungress tal-UEFA li qed isir f’Pariġi. 

Ir-regoli preċedenti ppermettew li president iservi tliet mandati fil-kariga iżda d-deċiżjoni l-ġdida tfisser li l-mandat inizjali ta’ Ceferin, meta ħa post Michel Platini fl-2016 f’nofs il-perjodu ta’ erba’ snin, ma kien jgħoddx bħala mandat sħiħfil-kariga.

Ceferin  kien inħatar meta Platini rriżenja f’Mejju 2016 wara li ġie sospiż mill-FIFA minħabba ksur tal-etika.

Minkejja li maġġoranza ta’ żewġ terzi ta’ 49 nazzjon ivvutaw biex jgħaddu l-mozzjoni, aktar tard huwa ħabbar li mhux se jikkontesta fl-2027.

Ceferin qal f’konferenza tal-aħbarijiet: “Jien iddeċidejt sitt xhur ilu li ma kontx se nikkontesta. Ir-raġuni hi li wara xi żmien kull organizzazzjoni għandha bżonn demm frisk, iżda l-aktar għax kont ilni seba’ snin ‘il bogħod mill-familja tiegħi.

“Intenzjonalment ma ridtx niżvela ħsibijieti qabel, għax l-ewwelnett, ridt nara l-wiċċ reali ta‘ ċerti nies … u eventwalment rajtu.”

L-avversarji tal-mozzjoni  argumentaw li l-bidla tmur kontra l-wegħda li Ceferin għamel biex jippresiedi governanza korporattiva aktar nadifa tal-UEFA meta kien inħatar minflok Platini.

Is-Segretarju Ġenerali tal-UEFA, Theodore Theodoridis, qal li d-deċiżjoni ta’ Ceferin li ma jgħidx lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali bil-pjani tiegħu minn qabel ma kinitx ta’ imbarazzament għall-FA Ingliża.

Il-bidla hija meqjusa bħala waħda kontroversjali u d-direttur tekniku tal-UEFA, Zvonimir Boban, kien ħalla r-rwol tiegħu, f’Jannar li għadda, bħala protesta kontra l-intenzjoni preżunta ta’ Ceferin li jibqa’ għal mandat ieħor, u sejjaħ il-mossa “lil hinn mill-komprensjoni”.

Ceferin wieġeb għal dan wara li għamel it-tħabbira tiegħu, u qal li Boban kien konxju li ma kienx se jikkontesta l-elezzjoni li jmiss (2027)u sejjaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala “għajta patetika”.

“Huwa ma setax jistenna għax wara t-tħabbira tiegħi, il-qrid tiegħu ma kienx jagħmel sens,” żied Ceferin.

Bidliet oħra fl-istatut, inkluż ir-rekwiżit li jkun hemm mill-inqas żewġ membri nisa fil-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA, kienu wkoll parti mill-mozzjoni u Bullingham, flimkien ma’ rappreżentanti min-Norveġja u l-Islanda, kienu vvutaw kontra l-pjan li “jgħaqqadhom” flimkien.

Ekonomija

Sport