L-umpire Malti Alessandro Amore kompla jsaħħaħ ir-reputazzjoni tiegħu fix-xena internazzjonali tal-hockey hekk kif ingħata l-ewwel ħatra tiegħu għal turnew tal-kbar tat-timijiet nazzjonali. Hu se jkun wieħed mill-uffiċjali fil-EuroHockey Championship Qualifier II 2026 tal-irġiel li se jsir f’Helsinki, il-Finlandja.
Din il-ħatra tirrappreżenta pass importanti fil-karriera ta’ Amore u huwa rikonoxximent tal-progress li għamel f’dawn l-aħħar snin. Fil-fatt, dan se jkun il-ħames turnew internazzjonali tiegħu, wara appuntamenti preċedenti f’Ġibiltà, il-Litwanja, Breda fl-Olanda u, l-aktar wieħed riċenti, it-turnew Easter 6 Nations Under-18 tal-irġiel li sar aktar kmieni din is-sena f’Rüsselsheim, il-Ġermanja.









