Għaxaq irritornaw għar-rebħ filwaqt li baqgħu fil-quċċata tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-boċċi wara rebħa ta’ 21-10 fuq Żejtun. L-Għaxqin kienu determinati li jiksbu s-suċċess mixtieq wara li sebat ijiem ilu ġew megħluba minn Żurrieq. Huma kienu preċiżi fit-tefgħat tagħhom u eventwalment kisbu rebħa komda.
Sadanittant, Msida telgħu fit-tieni post tal-klassifika wara suċċess ta’ 21-14 kontra Santa Venera. Żurrieq komplew bil-forma tajba tagħhom u għelbu lil St. Peter’s Żabbar 21-0, riżultat li niżżel lit-tim Żabbari fit-tielet post.
F’logħbiet oħra, Żebbuġ għelbu lil Lija 21-1, filwaqt li Bugibba kisbu rebħa importanti fuq San Ġwann 21-18 biex issa l-ġlieda fin-naħa t’isfel tal-klassifika saret aktar bilanċjata.
Finalment l-aktar konfront missielet kien dak bejn Birkirkara u Qormi San Bastjan, fejn il-Karkariżi rebħu bi skor ta’ 21-20 u laħqu lil Lija b’sitt punti fil-klassifika.









