Saturday, December 21, 2024

Aljenazzjoni fuq platt tal-fidda

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew ċemplitli persuna li ma qallix min hu, anke jekk staqsejtu, u qalli dawn il-preċiżi kelmiet: Jaqaw ma ħallewkx tikteb dwar il-każ Clayton Bartolo/Amanda Muscat/Clint Camilleri? Qalli hekk darba, darbtejn, tlieta u qata’ l-linja.

Mela dritt għall-punt. Serraħ moħħok ħabib, jien ma nitlob il-permess ta’ ħadd biex nikkummenta minn din il-paġna. Ikun x’ikun is-suġġett. Jolqot lil min jolqot. Ma ktibtx qabel illum dwar dan is-suġġett minħabba ċirkostanza partikolari li kawża tagħha ridt ngħaddi l-materjal għall-paġna qabel normalment ngħaddih.

Issa ħalli aktar inserraħħlu moħħu lil min ċempilli.

Il-każ Clayton Bartolo/Amanda Muscat/Clint Camilleri, lili bħala Laburist ġenwin, dejjaqni ħafna u ħafna. Weġġgħani bil-kbir. Iddispjaċini mmens għall-Prim Ministru. Ma nemminx li kien jaf x’sar minn qabel sar dak li sar. U aktar jiddispjaċini għalih għax jinvolvi żewġ Ministri li, fl-opinjoni tiegħi, jemmen fihom ħafna. Id-dekasteri fdati lilhom juru dan aktar minn biżżejjed. Lili ż-żewġ Ministri ddiżgustawni.

Id-dispjaċir tiegħi joktor bil-kbir għax dan l-‘iżball’ qed jintuża u qed iservi mhux ftit biex min għandu l-interess jaljena lill-poplu mill-ġid li jfisser għalih il-Budget 2025 ingħata l-għodda fuq platt tal-fidda. U mhux daqstant ċuċ li għodda bħal dik ma jużahiex.

Kull min segwa t-tliet diskorsi ewlenin, u jrid ikun ġenwin, dwar il-Budget, dak tal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u t-tweġiba tal-Prim Ministru Robert Abela seta’ faċilment jinnota kemm kien dgħajjef il-Kap tal-Oppożizzjoni. U ngħiduha kif inhi ma setax jagħmel mod ieħor.

Kif seta’ l-Kap tal-Oppożizzjoni jinnega jew jikkontesta miżura waħda wara l-oħra li bihom se tkun qed tittejjeb il-kwalità tal-ħajja? Anzi jimmeraviljak kif kellu, per eżempju, il-kuraġġ isemmi l-pensjonanti!!! Iva l-pensjonanti minn daqs dawk kategoriji ta’ nies!!! Mhux kulħadd jaf li l-pensjonijiet għal Gvern Nazzjonalista wieħed wara l-ieħor kienu ‘no go area’, tmisshomx. Seta’ l-Kap tal-Oppożizzjoni jiċħad li Gvernijiet Laburisti mis-sena 2013 ‘il hawn ma daħħlu ebda taxxa ġdida? Seta’ l-Kap tal-Oppożizzjoni jikkritika l-ħemel żidiet li ngħataw fil-benefiċċji soċjali? Seta’ l-Kap Nazzjonalista jikkritika t-tnaqqis fit-taxxi? Seta’ l-Kap tal-Oppożizzjoni jinnega l-fatt li għal darb’oħra Gvern Laburista ggarantixxa stabilità sussidjata fil-prezzijiet tal-enerġija? Seta’ l-Kap tal-Oppożizzjoni jqabbel tali stabilità mal-fatt li Gvern Nazzjonalista kien jaġixxi b’politika ta’ is-suq isuq? Seta’ l-Kap tal-Oppożizzjoni jnessina li Gvern Nazzjonalista kien jimxi b’politika li kull tmiem ix-xahar iħabbrilna l-prezz tal-enerġija u l-fjuwil għax-xahar ta’ wara, dejjem ogħla? Seta’ l-Kap tal-Oppożizzjoni jitkellem u jqabbel ċ-ċifri ta’ nies jfittxu x-xogħol fi żmien Gvern Nazzjonalista ma’ dawk taħt Gvern Laburista? Nista’ nibqa’ għaddej s’għada b’paraguni ta’ din ix-xorta.

U allura mhux bilfors bħala Laburist ġenwin niddejjaq, inweġġa’ meta nara kif il-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri taw lill-Partit Nazzjonalista għodda fuq platt tal-fidda li biha qed jaljena lill-poplu mill-ġid kollu li fissru għalih budget wieħed wara l-ieħor ta’ Gvernijiet Laburisti?
Meta se nieqfu nisparaw f’saqajna?
[email protected]

Żvilupp dwar it-Torri Vendome f’Marsaxlokk

Nhar il-Ħadd li għadda minn din il-paġna lmentajt li għalkemm f’Mejju li għadda kien tħabbar li t-Torri Vendome f’Marsaxlokk kien se jiġi restawrat u li meta jitlesta jingħadda fir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali Xlukkajr baqa’ ma ssemma xejn aktar dwaru. B’sodisfazzjon illum ngħid li fil-jiem li għaddew twasslitli informazzjoni uffiċjali awtorevoli dwar x’sar diġà u x’inhu programmat li jsir fuq dan il-proġett.

Ġejt infurmat li interventi fuq monumenti ta’ valur storiku u kulturali bħal dak li jirrekjedi t-Torri Vendome huma koperti bi proċessi speċifiċi. Il-proċess imsemmi beda kmieni din is-sena. Dan kien jinvolvi dokumentazzjoni estensiva tal-ħsarat mal-faċċati tat-torri. Dokumentazzjoni li saret u li kienet segwita minn applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar biex isiru l-interventi neċessarji. Din l-applikazzjoni ġiet approvata.

La darba nkisbet din l-approvazzjoni sar ukoll il-proċess għal tnedija ta’ sejħa pubblika għal offerti biex ikun jista’ jsir ix-xogħol neċessarju fuq dan il-wirt uniku. Sejħa li tagħlaq f’dawn il-jiem. Imbagħad ikun irid isir il-proċess biex tingħażel l-offerta minn dawk li jkunu ġew sottomessi. Proċess li għandu wkoll it-termini proċedurali tiegħu peress li jista’ jkun hemm kontestazzjoni għall-offerta li tkun ingħażlet. Jekk kollox imur kif skedat allura x-xogħol ta’ restawr ikun jista’ jinbeda kmieni s-sena d-dieħla.

Prosit.

Madankollu nemmen li t-twassil ta’ informazzjoni bħal din għandu jitwassal b’mod kontinwu. Ma naħsibx li għandha tkun problema li quddiem it-Torri Vendome jitwaqqaf ‘billboard’ li juri l-istadji tal-proċess. Ir-responsabbiltà tal-proġett fuq min se tkun. It-termini tal-istadji. Il-perit responsabbli għax-xogħol meħtieġ. Il-kumpanija li tkun ingħażlet għat-twettiq tal-proġett. Iż-żmien meta jkun proġettat li x-xogħol jitlesta. Fejn u lil min ikunu jistgħu jitressqu osservazzjonijiet waqt ix-xogħol li jkun qed isir. ‘Billboard’ li jkun jinkludi wkoll sommarju tal-istorja tat-torri għall-informazzjoni tal-pubbliku inġenerali.

Qed ngħid dan, u ma tkun qed tiġi vvintata ebda rota, biex il-pubbliku li finalment minn flusu se jsir dan ix-xogħol, ikun aġġornat u jkun jista’ jiġbed l-attenzjoni fejn jara xi nuqqas.

Għax kif qalli min wassalli l-informazzjoni, “qatt m’hu biżżejjed li tispjega”.

Ekonomija

Sport