Monday, October 12, 2026
Home Bloggers KNEJJES U IMĦATRI

KNEJJES U IMĦATRI

0
58

Fl-Istati Uniti, l-imħatri fuq il-logħbiet sportivi żdiedu bil-kbir (fl-Ewropa wkoll imma mhux daqs l-Amerika). Għall-bidu, ftit tqanqlet kritika dwar hekk.

Issa, numru ta’ knejjes “indunaw” b’li qed jiġri u bil-ħerba li l-imħatri qed joħolqu f’numru enormi ta’ familji. Ħarġu jikkritikaw l-industrija u kif qed titħalla ssir pedament fil-ħajja tas-soċjetà Amerikana.

Ma flaħtx inżomm tbissima qarsa  meta qrajt dan. F’pajjiżna l-industrija tal-imħatri ilha li telqet bil-kbir. Permezz tal-internet saret wieħed mill-akbar setturi ekonomiċi tagħna tant li Malta tista’ titqies bħala l-Atlantic City għall-internet fl-Ewropa. Sadattant, matul is-snin kollha li għaddew minn meta telqet fostna, qatt ma nstemgħet xi kelma ta’ twissija jew kundanna, la mill-Knisja Kattolika u lanqas minn reliġjonjiet u setti oħra stabbiliti fostna. Anzi kulħadd jirrikonoxxi l-kontribut li tagħti din l-“industrija” lill-iżvilupp ekonomiku Malti.

SUSSIDJI U KOMPETITTIVITÀ

Il-kontroversja (interessanti) dwar sussidji biex jilqgħu għall-effetti taż-żidiet fil-prezzijiet internazzjonali tal-fjuwil qanqlet argumenti validi favur u kontra. Ukoll bħala wieħed xettiku dwar it-teżi tal-gvern favur sussidji wiesgħa mingħajr ebda “targeting” soċjali jew ekonomiku, nifhem il-punt li anke jekk iċċaqlaq biċċa ċkejkna minn sussidji li ndraw, jista’ jkollok effetti negattivi li jimmoltiplikaw ruħhom mal-ekonomija kollha. Imma jekk niftakar tajjeb, kien ukoll kelliemi tal-gvern li staqsa: għandna nibqgħu nissussidjaw il-wasla ta’ turisti fl-eqqel tas-sajf?

Biss jidhirli li ftit ingħatat attenzjoni għal kwistjoni oħra. Is-sussidji humiex qed iwasslu għal qagħda fejn l-ekonomija produttiva tal-pajjiż tiddependi fuqhom biex issostni l-kompetittività tagħha? Sadattant f’ekonomiji oħra, ditti li addattaw għal ċirkostanzi aktar iebsa minn tagħna bla sussidji, jinsabu f’qagħda aħjar minna biex jikkompetu u jirnexxu.

UFFIĊĊJU L-BELT

Frankament, ma fhimtx għaliex il-Kap tal-Oppożizzjoni kellu bżonn “jiftaħ” uffiċċju l-Belt. Li tgħid li l-Prim Ministru wkoll għandu uffiċċju l-Belt, apparti mill-Parlament, ftit jagħmel sens. Il-Prim Ministru hu kap tal-eżekuttiv, barra mir-rwol leġislattiv/parlamentari tiegħu. Kap tal-Oppożizzjoni m’għandu l-ebda rwol eżekuttiv.

Lanqas naraha tgħodd xi distinzjoni li tista’ ssir bejn il-funzjonjijiet ta’ kap tal-oppożizzjoni u mexxej ta’ partit. It-tnejn jidħlu f’xulxin bħal id f’ingwanta. Kulħadd jaf li l-Kap tal-Oppożizzjoni jinħatar fil-funzjonijiet tiegħu bħala kap tal-partit. M’hemm xejn tabarraminnhawn jekk dawk li jixtiequ jkellmuh, imorru fl-uffiċċju tiegħu tal-partit – anzi, hi ħaġa normali f’demokrazija. Jekk imbagħad, hemm min jinsisti li jagħmel distinzjoni li jiltaqa’ mal-Kap tal-Oppożizzjoni bħala tali, mhux ukoll bħala kap ta’ partit (li niddubita), jista’ jmur fl-uffiċċju tal-Parlament. Minnu l-Kap tal-Oppożizzjoni jaqdi d-dmirijiet leġislattivi tiegħu. 

F’dal-qafas, bilfors li jqumu s-suspetti li l-biċċa ftit tiswa aktar minn gimmick tal-mument.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here