ŻiguŻajg, il-festival internazzjonali tal-arti ewlieni ta’ Malta għat-tfal u l-adolexxenti, jirritorna mit-13 sat-22 ta’ Novembru 2026. Bi produzzjoni ta’ Fondazzjoni Kreattività, il-festival ta’ din is-sena se jippreżenta 15-il proġett li fihom udjenzi żgħar, studenti u l-familji tagħhom jistgħu jesploraw it-teatru, il-mużika, iż-żfin, l-arti viżiva, il-film, ir-rakkont tal-istejjer u workshops f’diversi postijiet.
Il-Festival ŻiguŻajg, li issa jinsab fis-16-il edizzjoni tiegħu, ikompli joħloq spazju fejn udjenzi żgħar huma aktar milli sempliċiment spettaturi. Huma parteċipanti attivi f’esperjenzi li jħeġġu l-kurjożità, l-immaġinazzjoni u sens ta’ konnessjoni permezz tal-arti. Il-programm ta’ din is- sena jlaqqa’ artisti lokali u internazzjonali li jippreżentaw xogħol li jesplora temi bħall- ħbiberija, l-identità, it-tibdil fil-klima, l-appartenenza u l-impatt tat-teknoloġija, fost oħrajn.
Mill-kummiedja viżiva ħelwa Chalk & Cheese, li fiha żewġ karattri differenti ħafna jiskopru li l-ħbiberija ma tfissirx li tibdel min int, għal Il-Ħajja Ħolma, produzzjoni bil-Malti li tesplora l-libertà, l-inugwaljanza u l-prezz qares tal-progress, il-programm joffri lil udjenzi żgħar opportunitajiet biex jiltaqgħu ma’ ideat permezz ta’ rakkont tal-istejjer immaġinattiv u li jinvolvihom.
Il-festival jiskopri wkoll id-dinja taż-żfin permezz ta’ Sweet & Sour li tħaddan il-poter tad- differenza u l-unità, jesplora l-lingwa permezz tal-produzzjoni ritmika u umoruża Tongue Twister, u jlaqqa’ l-udjenzi ma’ kulturi differenti permezz ta’ Myths Across the Sea, storja viżwalment eċitanti li tgħaqqad lil Malta u l-Greċja mil-lenti ta’ esploratur kurjuż. Sadanittant, One & The Other tesplora r-relazzjonijiet u l-individwalità permezz tal-mużika u t-teatru fiżiku, filwaqt li Up, Up, Up tikkombina l-arti tal-buffi u l-kant f’kor fi vjaġġ nonverbali ta’ skoperta.
Għall-iżgħar udjenzi tiegħu, Ċaff Ċaff toffri l-ewwel esperjenza ġentili mat-teatru għat-trabi u dawk li jieħdu ħsiebhom, li tispira ruħha minn ritmi Mediterranji u skoperta ma’ xatt il-baħar. Dream. Dare. Do. hija esebizzjoni tal-arti viżiva li tħeġġeġ lit-tfal jesperimentaw, joħolqu u jimmaġinaw min jistgħu jsiru.
Din is-sena se terġa’ ġġib magħha l-Programm tad-Delegati, li għandu l-għan li jgħaqqad lil artisti, produtturi u professjonisti kulturali lokali u internazzjonali biex jesperjenzaw il-festival, jiskambjaw ideat u jesploraw opportunitajiet għal kollaborazzjoni. Permezz ta’ prestazzjonijiet u konverżazzjonijiet, il-programm se joħloq spazju għal konnessjonijiet ġodda u jgħin biex ix- xogħol Malti mmirat lejn udjenzi żgħar jimraħ lil hinn mill-festival.
Għal għaxart ijiem, il-Festival ŻiguŻajg 2026 se jwassal prestazzjonijiet, esebizzjonijiet, films u workshops fil-Belt Valletta, l-Imsida, il-Birgu u Għawdex. Il-proġetti magħżula se jiffurmaw parti minn programm ikkurat ta’ avvenimenti. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġobkom żuru din il-ħolqa: https://form.jotform.com/262721845358363.
Il-Festival ŻiguŻajg 2026 huwa mtella’ minn Fondazzjoni Kreattività u l-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv, il-Kunsill Malti għall- Arti, il-Ministeru għal Għawdex u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, u bi sħubija ma’ Malta Public Transport u Inkontru.
Għal aktar informazzjoni u biljetti, żur ziguzajg.org.

