Monday, October 19, 2026
Home Bloggers L-IPPJANAR

L-IPPJANAR

0
50

Fl-imgħoddi, kien hemm min jemmen fl-ippjanar ekonomiku… u min le. It-twemmin fl-ippjanar ma kienx kullimkien l-istess. Fis-sistemi komunisti, it-twemmin kien assolut; kull rokna tal-ekonomija kellha tkun ikkontrollata mill-istat, li allura seta’ jiddetta (jippjana) x’kellu jsir. Fis-sistemi kapitalisti, min emmen f’ippjanar tas-settur tal-istat – min emmen ukoll f’ippjanar hekk imsejjaħ “indikattiv” għas-settur privat – u min permezz tat-tbassir ikkompjuterizzat dwar l-ekonomija kollha kemm hi, emmen li b’mod ippjanat stajt tikkonferma dat-tbassir jew tibdel ix-xenarji tal-futur li jipprevedi, billi twettaq ċerti interventi.

Talanqas kont tkun taf fejn qiegħed ma’ dawk li kienu jiċħdu kull ippjanar. Illum, it-tbassir tant sar sofistikat, li mingħajr ma bl-ebda mod qed jiġi nnegat is-suq “ħieles”, l-andament ekonomiku sal-futur medju qed jiġi deskritt u mifhum b’termini li fl-imgħoddi kienu jgħoddu l-aktar għall-ippjanar…

IL-BAĠIT EWROPEW

L-istati membri tal-Unjoni Ewropea bħalissa qed jiddiskutu l-impennji finanzjarji li jridu jdaħħlu fil-baġits tal-Unjoni għall-5/7 snin li ġejjin. Kważi kollha jaqblu li l-Unjoni għandha timpennja ruħha aktar f’kwistjonijiet ta’ difiża u sigurtà, fil-kontroll tal-immigrazzjoni, f’ħidma aqwa kontra t-tisħin tal-klima, u f’aktar investimenti li jtejbu l-kompetittività. Kollha jfissru żidiet fl-ispiża. Kif se jinġabu l-fondi għalihom?

Grupp ta’ pajjiżi ma jridux li tiżdied in-nefqa. X’aktarx iridu tnaqqis fin-nefqa diġà eżistenti bħal fuq biedja, għajnuniet reġjonali u soċjali. Oħrajn ma jridux jisimgħu b’tnaqqis. Saru suġġerimenti biex jinħolqu taxxi “Ewropej” u ċerti pajjiżi ddarrsu. Kien hemm min ipprospetta li l-baġit Ewropew jitħalla jispiċċa b’ħofra, li tiġi finanzjata b’self. Dwar hekk ukoll, hemm dissens.

KLIMA SĦUNA

Iħawdu kemm iħawdu l-kelliema tal-President Trump biex isostnu mod ieħor, l-effetti tal-klima tad-dinja, li qed tinbidel, hemm qegħdin. Il-klima qed tisħon u toħloq problemi gravi għall-indivdwi u għall-komunitajiet. F’Malta ukoll.

L-oqsma li qed jintlaqtu jew se jintlaqtu mit-tibdil fil-klima jinfirxu mill-ambjent; għall-effetti fuq il-bini ġdid u qadim; għall-impatt fuq l-annimali (dawk miżmuma fid-djar… klieb, qtates, għasafar…; dawk tat-trobbija għall-qatla jew għall-ħalib; dawk “ħielsa” …ħut, żunżan, firien…); għas-saħħa tal-bnedmin u d-drawwiet u l-ħidmiet tagħhom…; għall-produzzjoni ekonomika u  l-ispiża li tirrekjedi… Għalkemm differenti minn xulxin, ħafna mill-effetti – mhux kollha negattivi – jorbtu wieħed mal-ieħor. 

Naħseb li tista’ tkun idea tajba jekk dawn l-effetti kollha li nistgħu nbassru minn issa (x’aktarx li uħud minnhom se nintebħu bihom meta jolqtuna) jinġabru f’rapport jew dokument wieħed, li bilfors irid jistrieħ fuq il-kontribut ta’ esperti u studjużi minn dixxiplini differenti. Bih, il-poplu jista’ jikseb għarfien tal-bidliet fil-klima li jmorru lil hinn mill-punt dwar kif is-sjuf qed isiru dejjem aktar sħan. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here