Kolombjana ta’ 26 sena ġiet arrestata fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta b’rabta ma’ allegat importazzjoni ta’ ftit aktar minn nofs kilo sustanza suspettata droga ketamina.

Hija ġiet arrestata wara ħidma mill-Pulizija Maltija, assistita mid-Dipartiment tad-Dwana flimkien mal-awtoritajiet Spanjoli u Kolombjani. Dan wara li minn informazzjoni miġbura rriżulta li l-mara qiegħda tivvjaġġa minn Spanja lejn Malta, b’suspett li aktarx hija involuta f’ċirku kriminali ta’ traffikar tad-droga.
Għaldaqstant, kekk kif il-Pulizija rċeviet informazzjoni li kienet se tasal Malta nhar is-Sibt li għadda, fuq titjira minn Madrid, saru spezzjonijiet fuq il-passiġġieri ta’ din it-titjira.
Din l-operazzjoni ħalliet il-frott mixtieq hekk kif wara li ġiet identifikata u mwaqqfa, fil-bagalja tal-Kolumbjana nstabu żewġ blokok kbar u pakkett iżgħar bid-droga, bil-valur fis-suq ilaħħaq ftit aktar minn €70,000.
Il-mara ġiet arrestata, bil-Maġistrat Dr Renata Farrugia LL.D. ġiet infurmata u fetħet inkjesta, filwaqt li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
Hija qiegħda tinżamm arrestata fil-lock-up tal-Pulizija għal aktar stħarriġ u mistennija titressaq il-Qorti illum, quddiem il-Maġistrat Dr Tanya Sammut LL.D.
