Monday, October 19, 2026
Home Kultura “THE PRINCE OF EGYPT” musical live ta’ Dreamworks fuq il-palk f’Għawdex

“THE PRINCE OF EGYPT” musical live ta’ Dreamworks fuq il-palk f’Għawdex

0
68

“The Prince of Egypt” huwa musical epiku kbir b’mużika u lirika tar-rebbieħ tal-Grammy u Oscar Awards Stephen Schwartz fuq ktieb ta’ Philip LaZebnik. Bażat fuq il-Ktieb tal-Eżodu, b’songs mill-film animat ta’ DreamWorks tal-1998, il-musical jippreżenta l-mixja tal-ħajja ta’ Mose’ minn meta kien prinċep tal-Eġittu sal-aħħar destin tiegħu li jmexxi lill-poplu ta’ Iżrael ‘il barra mill-Eġittu. Ċentrali fl-ispettaklu hija is-song rebbieħa ta’ Schwartz fl-Academy Awards “When You Believe” kif ukoll is-silta popolari “Deliver Us” – dawn flimkien ma’ ħafna melodiji oħra tassew sbieħ u tant maħbuba minn dawk li jsegwu t-teatru mużikali.

Mibdija f’sempliċi workshop fl-2015, l-ewwel produzzjoni ta’ “The Prince of Egypt” ttellgħet fl-2017 ġewwa Kalifornja, fl-Istati Uniti. Imbagħad il-musical ġie inawgurat fl-Ewropa bi produzzjoni daniża li bdiet fl-2018. Verżjoni pjuttost ġdida fetħet fid-Dominion Theatre fil-West End ta’ Londra fl-2020. Din il-produzzjoni ma damitx ma twaqqfet meta t-teatri fir-Renju Unit kellhom jagħlqu minħabba l-imxija tal-pandemija tal-Covid-19, imma mbagħad fetħet mill-ġdid minn Lulju 2021. Is-sena 2026 rat ukoll l-adattament taljan ta’ dan il-musical li fetaħ b’suċċess fl-Italja f’Mejju li għadda. U issa, grazzi għal-liċenzja u l-permessi meħtieġa mingħand Music Theatre International ta’ Londra, kif ukoll bil-għajnuna finanzjarja tad-Direttorat tal-Wirt Kulturali tal-Ministeru għal Għawdex, dan il-musical “The Prince of Egypt” qed jittella’ live bl-ingliż fuq il-palk tat-Teatru tal-Oratorju Don Bosco f’Għawdex.

F’dan il-musical, l-udjenza hija mistiedna għal vjaġġ fost l-għeġubijiet tal-Eġittu tal-qedem, hekk kif Ramses u Mose’, żewġ żgħażagħ li kibru flimkien bħal aħwa f’saltna ta’ privileġġi, issa jsibu lilhom infushom maqsuma minn passat sigriet. Wieħed jeħtieġ li jsaltan bħala l-Farawni, u l-ieħor jeħtieġ li jqum u jeħles lil dak li hu tassew il-poplu tiegħu; it-tnejn jiffaċċjaw destin li se jbiddel l-istorja għal dejjem.

“The Prince of Egypt” ta’ Dreamworks huwamusical ta’ madwar sagħtejn u nofs ta’ mużika, songs u żfin, li flimkien ma’ kostumi tassew sbieħ, se jinsġu l-istorja biblika ta’ Mose’.

Żewġ mistiedna speċjali Maltin, illum bażati fil-West End ta’ Londra, se jkunu l-protagonisti f’dan l-ispettaklu. Filfatt, CJ Friggieri u Yentel G. Troisi, se jkunu qed jinterpretaw il-partijiet ewlenin ta’ Mose’ u Ramses, filwaqt li żewġ artisti żgħażagħ Għawdxin Kyra Cremona u Krista Mercieca, se jinterpretaw iż-żewġ partijiet ewlenin l-oħra ta’ Nefertari u Tzipporah. Karattri oħra se jkunu interpretati minn Karl J. Buhagiar, Presley Clark, Aaron Fenech, Jeremy Paul Grech, Carlota Martinez, Casey Sacco, Elisa Vella u Joy Xerri, flimkien ma’ kast ta’ madwar 100 persuna inkluż kantanti, żeffiena, atturi u mużiċisti.

Maestro Mark Gauci, li fl-aħħar snin mexxa diversi musicals kbar bħal “Scrooge”, “The Sound of Music”, “My Fair Lady”, “Chitty, Chitty, Bang, Bang”,“The Hunchback of Notre Dame” u “Beauty and The Beast” se jkun id-direttur mużikali. Id-direzzjoni artistika se titħalla f’idejn Jamie Camilleri li fl-aħħar snin idderieġa wkoll diversi musicals li ttellgħu fl-istess teatru tal-Oratorju Don Bosco. Is-songs tal-musical se jkunu kumplimentati minn grupp ta’ pit-singers taħt id-direzzjoni ta’ Angela Tirchett. Il-koreografija hija f’idejn Giada Farrugia, waqt li Marisa Teuma tibqa’ responsabbli mill-Vestwarju u mill-ħafna kostumi ġodda meħtieġa f’din ix-xow straordinarja. Ix-xenografija hija f’idejn Dennis Mompalao u Paul M. Cassar flimkien ma’ grupp ta’ voluntiera tat-Teatru tal-Oratorju Don Bosco.

L-ewwel serata ta’ “The Prince of Egypt” se ssir nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Novembru fis-7:30pm, b’ripetizzjoni l-għada s-Sibt 14 ta’ Novembru fis-7.30pm ukoll, kif ukoll Matinee Show il-Ħadd 15 ta’ Novembru fl-4.00pm. Imbagħad se jsiru tlett rappreżentazzjonijiet oħra: nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Novembru fis-7:30pm, is-Sibt 21 ta’ Novembru fis-7.30pm u l-Ħadd 22 ta’ Novembru fil-5.30pm. 

Il-biljetti għal “The Prince of Egypt” jistgħu jinkisbu mill-Oratorju Don Bosco t’Għawdex kuljum bejn il-5.00pm u s-6.15pm, jew inkella billi wieħed iċempel fuq in-numri 21556616 jew 77655194. Il-booking jista’ jsir ukoll online minn fuq is-sit elettroniku theatre.donboscogozo.org jew donboscogozo.org. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here