Is-sena 2025 kienet sena oħra li matulha l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) kompliet tinvesti fl-operat, fl-innovazzjoni filwaqt li kompliet tifrex is-servizzi tagħha madwar Malta u Għawdex.
L-FSWS hija l-fondazzjoni nazzjonali għas-servizzi soċjali speċjalizzati, li kontinwament jiġu aġġornati sabiex jilqgħu għal realtajiet kumplessi li kontinwament jinbidlu. Dan speċjalment f’servizzi li jingħata sapport lil tfal vulnerabbli, familji u adulti li ħafna drabi diġà kienu bbenefikaw minn servizzi bħal dawn.
Id-domanda għas-servizzi baqgħet konsistenti u kibret fuq is-snin preċedenti. Fil-fatt, matul is-sena l-oħra l-fondazzjoni rat ’il fuq minn 27,000 każ, żieda ta’ 5% fuq is-sena 2024. Dan it-tkabbir kontinwu jirrifletti wkoll il-fiduċja li l-pubbliku jpoġġi fil-professjonalità, l-aċċessibbiltà u l-effettività tas-servizzi tal-fondazzjoni.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Michael Falzon waqt it-tnedija tar-rapport annwali tal-FSWS għas-sena l-oħra. Dan ir-rapport jagħti stampa ċara tal-għajnuna li tintalab u kif il-ħaddiema soċjali jwieġbu għal din is-sejħa.
“L-FSWS qed tkunu aktar aċċessibbli u aktar klijenti qed jiġu għandhom għax jafu li kapaċi jagħtu għajnuna, pjan individwali u fit-tul, bl-għan aħħari tkun dak ta’ aktar stabbilità. Ejja niftakru li azzjoni fil-waqt jaf tgħin familja jew individwu jerġa’ jibni ħajtu mill-ġdid,” saħaq il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti tkellem ukoll dwar ix-xogħol kontinwu li qed twettaq il-fondazzjoni, fosthom ix-Shelter Emerġenza Għabex għall-Vjolenza Domestika, l-implimentazzjoni tal-proġett New Beginnings – Empowering Against Trafficking, u l-assigurazzjoni ta’ fondi mill-UE għall-proġett Second Chance li jsostni żgħażagħ vulnerabbli.
“Matul is-sena 2025, il-Fondazzjoni kompliet tinvesti fil-kwalità tas-servizz, fl-iżvilupp tal-ħaddiema, fit-trasformazzjoni diġitali u fil-prattika ibbażata fuq evidenza. Saħħaħna wkoll l-kapaċità operattiva tagħna f’diversi servizzi u dan qed iwassal sabiex naraw aktar klijenti,” saħaq il-Kap Eżekuttiv Alfred Grixti.
Intant il-Fondazzjoni kompliet tinvesti fil-ħaddiema b’aktar minn 1,000 impjegat fl-aħħar tal-2025. It-taħriġ u l-iżvilupp professjonali baqgħu prijoritajiet ewlenin, li raw madwar 200 sessjoni ta’ taħriġ interni li għalihom attendew l-impjegati kollha.
