Talab li jtuh il-‘payslip’ biex ikun jaf kemm qed jaqla… jagħmel xhur jitkarrab… spiċċa bl-impjieg terminat

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kien ilu f’Malta minn l-aħħar tas-sena 2025.  Sa Ġunju tas-sena ta’ wara, minkejja li kien qed jaħdem kien għadu qatt ma ngħata ‘payslip’. Jitkellem ma’ sħabu, ħaddiema Indjani. Jiġu infurmati li għandhom dritt li jingħataw ‘payslip’. Wieħed mill-ħaddiema, Amit (isem li qiegħed ikun mibdul biex nipproteġu l-identità tiegħu) jikteb lill-kumpanija. Ikun infurmat, wara xhur ma jirċevix il-‘payslip’, li jekk iridha għandu jmur għandhom l-uffiċċju tal-kumpanija. Dan kien ifisser għalih skariġġ u ħela ta’ ħin.  Jibqa’ jirsisti biex tintbgħatlu l-‘payslip’ b’mod jew ieħor. 

Kull ma ried hu li jkollu kopja ta’ xi tħallas. Ġara iżda li l-kumpanija baqgħet tinsisti li jmur l-uffiċċju jekk iridha. Bdew jgħidulu li minn naħa tiegħu naqas li ma marx għaliha.  Jgħidilhom li kien se jmur jieħu parir mingħand il-GWU. Ir-reazzjoni kienet li se jiffrankawlu l-ħin li joqgħod imur jitlob parir. Jiġi infurmat li l-impjieg tiegħu kien terminat.

Amit jibqa’ insisti li jingħata l-‘payslip’ u kien litteralment ixxukkjat b’risposta li ngħata mill-aġenzija.  Hu jirċievi messaġġ li kien jgħid hekk: “fi kwalunkwe każ, irriżulta li inti dejjem tonqos milli tiġbor il-‘payslip’ tiegħek mill-uffiċċju u tiffirma l-iskeda tal-ħinijiet tax-xogħol meħtieġa. Qed tikser il-proċeduri kollha, u dan huwa ksur serju tar-regoli u kompletament inaċċettabbli. Barra minn hekk, qed tieħu l-leave mingħajr ma tinfurmana. Qed tinjora b’mod ċar l-istruzzjonijiet tagħna biex tiġi l-uffiċċju, u għadek tonqos milli tobdi l-ordnijiet tagħna, apparti minn kondotta ħażina oħra waqt il-qadi ta’ dmirijietek, li dwarha qed nirċievu rapporti kontinwament. 

Se nneħħilek l-iskariġġ li jkollok tagħmel rapport lill-GWU, għax jekk ma ttejjibx l-imġiba tiegħek, aħna se ntemmu l-impjieg tiegħek.”  Wara jerġgħu jiktbulu u jgħidulu li “b’riferenza għat-tweġiba tiegħek għall-email tiegħi, ġejt infurmat li diġà kont imwissi qabel biex tirranġa l-imġiba tiegħek, iżda minkejja dan, qed tkompli b’mod persistenti ġġib ruħek ħażin. Għaldaqstant, qed ninfurmak li l-impjieg tiegħek magħna se jiġi tterminat fi żmien il-15-il jum li ġejjin, mid-data tal-lum.”

Impjegah direttament is-sid ta’ fejn kien jaħdem

Quddiem din is-sitwazzjoni, fejn dan spiċċa bla impjieg sempliċiment għax kien qed jitlob ‘pay slip’ u b’akkużi li ma kienx iġib ruħu sew, il-ħaddiem spiċċa dahru mal-ħajt.  Il-ħaddiem iżda kien wieħed eżemplari. Kull ma kien qiegħed jitlob kien biss li tintbagħtlu l-‘payslip’.  “Għaliex għamluha daqshekk bi kbira?”, qalli Amit meta tkelimt miegħu. “Dom għal diversi drabi nibgħat messaġġ wara messaġġ. Minn Diċembru sa Ġunju u dejjem jgħidulu l-istess”. Jieqaf u jkompli, “ma nistax nifhem x’kienet id-diffikulta biex jibagħtuhieli?”.

Ikompli li “f’Diċembru tas-sena li għaddiet kienu anke qaluli li se jżiduni fil-paga iżda dan baqa’ qatt ma seħħ.”  Jgħidli li “qaluli li ma kontx qiegħed inġib ruħi sew. Dan għax kull m’għamilt tlabthom il-‘payslip”. Kif ġejt terminat minn magħhom, is-sid tal-kumpanija fejn kont qiegħed naħdem impjegani hu stess direttament. Issa jien m’għandix x’naqsam aktar mal-aġenzija”. 

Il-liġi Maltija hi ċara

Il-liġi Maltija hi ċara. Il-ħaddiem għandu dritt li jirċievi rendikont tal-paga (payslip) mingħand min iħaddmu. Jekk il-kumpanija ma tkunx qed tagħtik il-payslips, tista’ titlobhom formalment u, jekk tibqa’ ma tirċevihomx, tfittex l-għajnuna tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi. F’Malta min iħaddem huwa obbligat jagħti lill-impjegat payslip dettaljata qabel jew fid-data li fiha tkun dovuta l-paga. Dan japplika wkoll jekk taħdem permezz ta’ aġenzija. Il-payslip għandha tinkludi, fost affarijiet oħra: l-isem tiegħek u dak ta’ min iħaddmek, il-perjodu li tkopri l-paga. is-sigħat normali u s-sigħat tas-sahra., il-paga bażika u l-ammont totali mħallas, il-leave annwali meħud u l-bilanċ li jkun fadal, it-taxxa, il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali (NI) u tnaqqis ieħor. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport