Il-prezz taż-żejt jilħaq €110… jitbattlu xkafef f’supermarkets f’reġjuni fl-Italja

…importaturi f’Malta jiddikjaraw li mhemmx problemi fil-provvisti

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat il-prezz taż-żejt reġa’ spara sew il-fuq u laħaq €110 ‘lbarmil.  Sa issa m’hemmx indikazzjonijiet ċar x’se jiġri fil-jiem li ġejjin iżda t-tħassib hu li jekk jibqgħu jiġu attakkati faċilitajiet marbutin mal-ħażna u produzzjoni taż-żejt, dan se jwassal biex il-prezz ikompli jogħla. F’għadd ta’ pajjiżi bħalissa il-prezzijiet tal-fjuwilx qegħdin jogħlew b’rata qawwija u dan wassal għal protesti kbar. Fl-Italja għaddejjin protesti u imblokk ta’ toroq minħabba skarsezza fil-fjuwil.

Dan wassal bie xi persuni jmorru u litteralment battlu l-ixkafef tas-supermarkets. Dan ma seħħx mal-Italja kollha imma f’xi reġjuni.  Dan il-fatt ħoloq biża fost xi nies li jista’ jkun hemm skarsezza ta’ ikel. 

Intant importatur li tkellem mă’ L-ORIZZONT, waqt li esprima it-tħassib tiegħu għal imblokk f’toroq fl-Italja u fi Sqallija, qalilna li f’Malta m’hawn ebda problema ta’ skarsezza ta’ prodotti. “Li qegħdin nitħassbu hu dwar kemm se jdum l-imblokk għax dan jista’ jaffettwa xi provvisti, jekk itul għal ammont ta’ żmien. Aktar minn dan, iħassibna l-fatt li jekk qiegħed jogħla l-prezz tal-fjuwil hemm, nistennew żieda fil-prezzijiet tat-trasport fi żmien qasir u dawn ifissru aktar spejjeż għalina”, qalilna l-importatur. 

Proprju fl-aħħar sigħat il-prezz taż-żejt Brent laħaq il-$110 hekk kif l-Iran iżid l-attakki fl-Istrett ta’ Hormuz u l-Ukrajna twiegħed li tattakka r-raffineriji Russi. Mill-inqas disa’ bastimenti kummerċjali ġew attakkati qrib l-Istrett ta’ Hormuz, hekk kif l-Iran qed jipprova jwaqqaf jew inaqqas drastikament l-esportazzjonijiet taż-żejt mhux maħdum minn dan l-istrett.

Ta’ min jgħid li  l-“waqfien mill-ġlied fil-qasam tal-enerġija”, li l-President Donald Trump ipprova jmedja bejn l-Ukrajna u r-Russja, sfaxxa malajr.

Il-kuntratti futuri taż-żejt Brent laħqu l-ogħla livell tas-sessjoni ta’ $110 kull barmil, għall-ewwel darba minn Mejju. Wara naqsu xi ftit u għalqu għal $109.86 kull barmil, żieda ta’ 3.7 fil-mija.

L-Istrett ta’ Hormuz: punt kruċjali għall-provvista globali taż-żejt

Fl-Istrett ta’ Hormuz, mill-inqas disa’ tankers u bastimenti tal-merkanzija ġew attakkati  fl-aħħar jiem u dan  hekk kif l-Iran qed jipprova jnaqqas drastikament l-esportazzjonijiet taż-żejt minn din ir-rotta marittima strateġika.

Nhar l-Erbgħa, l-Iran għereq il-bastiment tal-kontejners GFS Pride, skont il-Kmand Ċentrali tal-Istati Uniti. L-awtorità marittima ta’ Singapore qalet li l-ekwipaġġ tal-bastiment, li kien irreġistrat f’Singapore, ġie evakwat mingħajr periklu.L-esportazzjonijiet taż-żejt mhux maħdum mill-Istrett ta’ Hormuz naqsu wara li f’Settembru kienu laħqu livelli simili għal dawk ta’ qabel il-gwerra.

Il-waqfien mill-ġlied fil-qasam tal-enerġija bejn ir-Russja u l-Ukrajna jisfaxxa

Sadanittant, il-ftehim informali magħruf bħala l-“waqfien mill-ġlied fil-qasam tal-enerġija”, li l-President Donald Trump ipprova jmedja bejn l-Ukrajna u r-Russja, jidher li sfaxxa fi żmien qasir. Dan għax ir-Russja kompliet tattakka l-infrastruttura Ukrena minkejja l-waqfien mill-ġlied li suppost kien hemm. Minna naħa tiegħu, l-President Ukren Volodymyr Zelenskyy qal li Kyiv se terġa’ tibda tattakka r-raffineriji taż-żejt Russi bħala ritaljazzjoni. Il-prezzijiet tad-diżil għolew sew din is-sena minħabba l-attakki tal-Ukrajna fuq ir-raffineriji Russi u l-attakki tal-Iran fuq l-infrastruttura tal-enerġija fil-Lvant Nofsani.

Ta’ min jgħid li ż-żieda fil-prezz taż-żejt mhux maħdum twassal għal żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil. Dan ifisser ukoll spejjeż ogħla tat-trasport: il-kumpaniji tat-trasport u t-tbaħħir jistgħu jgħaddu l-ispejjeż addizzjonali lill-klijenti.

Ifisser ukoll għoli tal-ħajja bi spejjeż ogħla tal-enerġija u tat-trasport jistgħu jżidu l-prezzijiet ta’ prodotti u servizzi oħra.

Supermarkets fl-Italja jitbattlu

Intant quddiem l-iskarsezza tal-fjuwil fl-Italja, jidher li f’xi reġjuni l-konsumaturi beżgħu li se jkun hemm skarsezza fi prodotti tal-ikel. Dawn littralment battlu is-supermarkets. Dan seħħ għal diversi raġunijiet fosthom il-biża’ ta’ nuqqas ta’ prodotti, żieda f’daqqa fid-domanda, problemi fit-trasport jew fit-twassil tal-merkanzija, jew xiri ta’ paniku. Jidher li n-nies qed jixtru aktar f’xi postijiet minħabba biża’ minn nuqqas ta’ prodotti u ż-żieda fil-prezzijiet qed iħeġġu lil xi konsumaturi jagħmlu aktar provvisti. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport