Bħala Ministru inti ressaqt ’il quddiem abbozz ta’ liġi dwar l-ugwaljanza. Abbozz li ma għaddiex mill-Parlament għax l-Oppożiżżjoni astjeniet. Biex infakkru, x’kienu l-punti ewlenin ta’ dan l-abbozz?
L-għan ewlieni ta’ dan l-abbozz ta’ liġi kien, u naturalment għadu, li nsaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza f’pajjiżna, sabiex kull persuna tkun tista’ tgħix ħajjitha b’dinjità u ħielsa mid-diskriminazzjoni.
Dan l-abbozz ta’ liġi kien jipprevedi t-twaqqif ta’ Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza, istituzzjoni indipendenti b’mandat doppju. Għall-ewwel darba Malta kien se jkollha istituzzjoni li topera kemm bħala Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem skont il-Prinċipji ta’ Pariġi tan-Nazzjonijiet Magħquda kif ukoll bħala Korp tal-Ugwaljanza skont l-istandards Ewropej.
L-abbozz ta’ liġi kien jipprevedi wkoll bidliet importanti fil-qafas legali kontra d-diskriminazzjoni. Fost dawn kien hemm ir-rikonoxximent sħiħ tad-diskriminazzjoni intersezzjonali, it-tisħiħ tal-protezzjoni kontra l-vittimizzazzjoni u l-fastidju marbut mal-karatteristiċi protetti, inkluż dak li jseħħ permezz tal-mezzi elettroniċi u l-media soċjali, kif ukoll il-projbizzjoni ta’ struzzjonijiet biex issir diskriminazzjoni. Kien jipprevedi wkoll it-twessigħ tal-lista tal-karatteristiċi protetti sabiex il-liġi tkun tista’ tindirizza aħjar ir-realtajiet tas-soċjetà tal-lum.
Barra minn hekk, l-abbozz kien se jestendi l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat. L-għan kien li kull persuna tkun tista’ taċċessa dawn l-oġġetti u s-servizzi mingħajr diskriminazzjoni.
Persuna li ġġarrab diskriminazzjoni għandu jkollha mekkaniżmi aktar b’saħħithom biex tiddefendi d-drittijiet tagħha u fil-fatt, kieku daħlet fis-seħħ il-liġi, l-Kummissarju kien ikun jista’ jinvestiga lmenti, jibda investigazzjonijiet fuq inizjattiva tiegħu stess u joffri servizzi ta’ medjazzjoni. Il-vittmi setgħu wkoll jitolbu lill-Qorti kumpens, inkluż għad-danni morali.
Punt importanti ieħor f’dan l-abbozz huwa d-Dmir ta’ Ugwaljanza, li permezz tiegħu l-amministrazzjoni pubblika mhux biss kien se jkollha l-obbligu li ma tiddiskriminax, iżda wkoll li taħdem attivament biex telimina d-diskriminazzjoni.
L-abbozz jipprevedi wkoll l-inkorporazzjoni fil-liġi Maltija tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jsaħħaħ il-protezzjoni kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni.
Huwa ta’ dispjaċir li dan l-abbozz ta’ liġi ma għaddiex mill-Parlament, wara li l-Oppożizzjoni ħarġet mill-Kamra u ma pparteċipatx fil-vot u allura ma ntlaħqitx il-maġġoranza meħtieġa ta’ żewġ terzi. Minkejja dan, l-impenn tagħna jibqa’ wieħed ċar: li nkomplu naħdmu sabiex kull persuna f’pajjiżna tkun tista’ tgħix b’dinjità u mingħajr diskriminazzjoni.
Mill-ġdid qamu ħafna argumenti dwar tneħħija ta’ simboli reliġjużi. L-argument kien li persuna tista’ tgħid li simbolu reliġjuż fi klassi u mhux ieħor, qed jiddiskrimina kontra l-fidi tagħha. Kun skjetta: B’dan l-abbozz kienu se jitneħħew simboli reliġjużi bħall-kurċifiss?
Dan l-abbozz ta’ liġi ma kien jipprevedi l-ebda obbligu li jitneħħew il-kurċifissi mill-klassijiet tal-iskejjel. Anzi, l-Artikolu 2(3) kien jipprovdi espressament li d-dispożizzjonijiet tal-abbozz ma kellhomx jiġu interpretati jew applikati b’mod li jippreġudikaw jew jaffettwaw l-attivitajiet tal-knejjes, tal-ordnijiet reliġjużi jew ta’ komunitajiet reliġjużi oħra, inkluż il-wiri u l-użu ta’ simboli reliġjużi. Jiġifieri r-risposta hija ċara ħafna: b’dan l-abbozz ma kinux se jitneħħew simboli reliġjużi bħall-kurċifiss. Sfortunatament kien hemm ħafna informazzjoni żbaljata u qarrieqa li ċċirkolat fuq il-midja soċjali dwar dan l-abbozz ta’ liġi, b’mod partikolari fir-rigward tal-kurċifissi fl-iskejjel.
Dawn kienu bidliet kostituzzjonali u allura l-astensjoni tal-Oppożizzjoni kienet tfisser li l-abbozz ma għaddiex. Int kont wegħdt li se tkompli bil-ħidma biex jitressaq l-abbozz mill-ġdid. Fiex wasal dan il-proċess? Ikkonsultajt ma’ persuni jew għaqdiet? L-abbozz se jerġa’ jitressaq?
L-impenn tagħna li nwaqqfu Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza jibqa’ wieħed sod. Il-fatt li l-Abbozz ma kisibx il-maġġoranza meħtieġa ta’ żewġ terzi fil-Parlament ma jfissirx li waqqafna l-ħidma tagħna.
Bħalissa għaddej proċess ta’ reviżjoni u analiżi, li fih qed inqisu l-osservazzjonijiet u l-proposti li saru sabiex inkomplu nsaħħu l-qafas legali u niżguraw li l-Kummissjoni l-ġdida tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet tagħha b’indipendenza u b’mod effettiv.
Fil-fatt, dan l-aħħar irċevejt ukoll ittra mingħand il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, Michael O’Flaherty, li laqa’ b’mod pożittiv diversi aspetti tal-Abbozz, fosthom il-bażi kostituzzjonali tal-Kummissjoni, l-indipendenza tagħha u l-garanziji dwar ir-riżorsi tagħha. Fl-istess waqt, ressaq għadd ta’ rakkomandazzjonijiet. Aħna eżaminajna dawn ir-rakkomandazzjonijiet u fit-tweġiba tiegħi lill-Kummissarju spjegajt il-pożizzjoni tal-Gvern dwar il-punti li qajjem u indikajt li, wara l-konsultazzjonijiet li saru, qed jiġu kkunsidrati mill-ġdid ċerti aspetti tal-Abbozz.
Saru wkoll konsultazzjonijiet interni u esterni, u nibqgħu miftuħa għad-djalogu mal-għaqdiet u l-partijiet interessati kollha. L-għan tagħna huwa li jkollna qafas legali li jissodisfa l-istandards Ewropej u internazzjonali u li jgawdi mill-akbar fiduċja possibbli.
L-intenzjoni tagħna tibqa’ li l-abbozz ta’ liġi jerġa’ jitressaq quddiem il-Parlament. F’dan l-istadju għadu kmieni wisq biex nagħti data speċifika, iżda nista’ nassigura lil kulħadd li din ir-riforma se tibqa’ prijorità għalina.
Madwarna fl-UE ix-xejra hija favur partiti taċ-ċentru lemin jew saħansitra lemin estrem. Qed naraw mewġa anti-immigranti, anti-Iżlamista u li magħha – b’mod ippakkeġġjat fi kliem sabiħ dwar it-tradizzjoni u l-familja eterosesswali – iġġib ukoll mewġa anti-drittijiet LGBTIQ. Jinkwetak dan? Tibża’ li affarijiet bħal Pride, illum qed jaħdmu kontra, minflok favur l-ugwaljanza u drittijiet LGBTIQ?
Dak li qed naraw iseħħ f’diversi pajjiżi jinkwetani. Fil-fatt, dan kien wieħed mill-messaġġi ewlenin li wassalt dan l-aħħar waqt konferenza Ewropea f’Dublin dwar l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+.
Qed naraw kif movimenti tal-lemin estrem u oħrajn li jopponu ċerti drittijiet qed isiru dejjem aktar organizzati u qed jużaw il-biża’ bħala għodda politika. L-ugwaljanza qed tiġi ppreżentata bħala theddida, l-inklużjoni bħala ideoloġija, u miżuri li jeskludu lil ċerti persuni bħala forma ta’ protezzjoni. Ħafna drabi, dawk li jispiċċaw fil-mira huma l-persuni LGBTIQ+, il-migranti, in-nisa u l-minoranzi.
Il-preġudizzji u d-diskriminazzjoni qed jiġu ppreżentati minn xi wħud bħala difiża tal-valuri tradizzjonali, tal-familja jew tal-protezzjoni tat-tfal. Irridu nagħmlu distinzjoni ċara hawnhekk bejn min iħaddan valuri konservattivi u min qed jistrumentalizza dawk l-istess valuri biex jiġġustifika l-esklużjoni jew iċaħħad lil ħaddieħor minn drittijietu.
Kif għedt f’Dublin, id-drittijiet ma jiddefendux lilhom infushom waħedhom. Jeħtieġ li jkun hemm gvernijiet u istituzzjonijiet lesti li jħarsuhom, speċjalment f’realtà fejn il-midja soċjali tista’ tkabbar il-biża’, il-preġudizzji u l-informazzjoni qarrieqa.
Fir-rigward tal-Pride, ma naqbilx li dan qed jaħdem kontra l-ugwaljanza. Il-Pride mhuwiex biss ċelebrazzjoni, iżda opportunità biex infakkru kemm sar progress, nagħtu viżibbiltà lill-persuni LGBTIQ+ u nkomplu nwasslu messaġġ ta’ rispett u inklużjoni. Naturalment, mhux kulħadd se jaqbel ma’ kull aspett tiegħu, iżda dan m’għandux iwassal biex jiġu kkontestati d-drittijiet fundamentali ta’ ħaddieħor.
Huwa importanti wkoll li niftakru li l-ugwaljanza tolqot il-ħajja tan-nies mill-qrib. Tikkonċerna l-ħajja tagħna ta’ kuljum: żgħażagħ u tfal LGBTIQ+ li għandhom dejjem iħossuhom siguri fl-iskejjel tagħna, familji LGBTIQ+ li għandhom jiġu rispettati, aċċess għas-servizzi tas-saħħa mingħajr diskriminazzjoni jew umiljazzjoni għall-persuni LGBTIQ+, u persuni LGBTIQ+ li għandu jkollhom fiduċja fl-awtoritajiet biex jirrapportaw każijiet ta’ mibegħda. Il-Pride jgħin biex dawn ir-realtajiet jibqgħu viżibbli u biex il-konverżazzjoni dwar l-ugwaljanza ma tieqaf qatt fis-soċjetà tagħna.
Malta għamlet progress kbir, iżda l-liġijiet waħedhom ma jbiddlux l-attitudnijiet. L-isfida tagħna tibqa’ li l-ugwaljanza fil-liġi ssir ugwaljanza fil-ħajja ta’ kuljum. Għalhekk, illum aktar minn qatt qabel, għandna nkomplu niddefendu u nippromwovu dak li ksibna.
Il-mara għadha xi ftit jew wisq nieqsa f’diversi oqsma mhux l-inqas fit-tmexxija, f’bordijiet u anke fil-politika. X’se tagħmel biex taċċerta li l-mara tkun aktar preżenti f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija u influwenza politika, soċjali u kummerċjali?
Huwa minnu li minkejja l-progress li għamilna f’dawn l-aħħar snin, in-nisa għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed f’diversi pożizzjonijiet ta’ tmexxija u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, kemm fil-politika kif ukoll fis-settur pubbliku u dak privat.
Għalija, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel ma tfissirx biss li kulħadd ikollu l-istess drittijiet fuq il-karta, iżda li n-nisa jkollhom opportunitajiet reali biex javvanzaw fil-karriera tagħhom, jassumu responsabbiltajiet ta’ tmexxija u jipparteċipaw b’mod sħiħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
F’dan ir-rigward, għandna diġà qafas ta’ ħidma permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, li fost it-tmien objettivi strateġiċi tagħha tinkludi t-tisħiħ tal-bilanċ bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi u pubbliċi.
Irrid infakkar li fl-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza, li ressaqna quddiem il-Parlament, ipproponejna miżura konkreta biex insaħħu l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-korpi maħtura uffiċjalment. L-Artikolu 45 jipprevedi li l-amministrazzjoni pubblika għandha tieħu l-azzjonijiet pożittivi neċessarji sabiex, kemm jista’ jkun, tiżgura li mill-inqas 40% tal-ħatriet f’dawn il-korpi jkunu nisa u mill-inqas 40% oħra jkunu rġiel, filwaqt li fil-bqija tal-ħatriet għandha, fejn possibbli, tikkunsidra wkoll ir-rappreżentanza ta’ ġeneri mhux binarji. Din hija miżura importanti biex inkomplu nsaħħu l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-pożizzjonijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Malta implimentat d-Direttiva Ewropea dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet ta’ kumpaniji elenkati fil-Borża ta’ Malta. Barra minn hekk, fl-2026 daħlu fis-seħħ regolamenti ġodda dwar it-trasparenza fil-pagi, li jsaħħu l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew ta’ valur ugwali u jgħinu biex jiġu identifikati u indirizzati differenzi mhux ġustifikati fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel.
Ma nistgħux nitkellmu dwar nisa f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija mingħajr ma nħarsu wkoll lejn il-miżuri li jgħinuhom jibqgħu fid-dinja tax-xogħol u javvanzaw fil-karriera tagħhom. Fost dawn hemm is-servizz taċ-childcare b’xejn, il-leave tal-maternità, il-leave tal-paternità u l-leave tal-ġenituri, li jgħinu lill-familji jsibu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u r-responsabbiltajiet familjari. Mill-2026, id-dritt għal-leave tal-ġenituri ġie estiż ukoll għall-ġenituri li jaħdmu għal rashom. Dawn il-miżuri huma importanti mhux biss biex in-nisa jkollhom aktar opportunitajiet professjonali, iżda wkoll biex ir-responsabbiltajiet tal-familja jinqasmu b’mod aktar ekwu bejn il-ġenituri.
Irridu nkomplu nindirizzaw l-ostakli li ħafna nisa għadhom jiltaqgħu magħhom, fosthom l-isterjotipi dwar ir-rwoli tan-nisa u l-irġiel u d-diffikultajiet marbuta mal-bilanċ bejn ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u dawk tal-familja. Irridu noħolqu aktar opportunitajiet biex in-nisa javvanzaw lejn pożizzjonijiet ta’ tmexxija.
Għalhekk, irridu nkomplu nsaħħu l-miżuri favur il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, inħeġġu t-taħriġ u l-mentoring, u niżguraw li l-proċessi tal-għażla u tal-ħatra jkunu ġusti, trasparenti u bbażati fuq il-kompetenza.
L-għan tagħna huwa li aktar nisa jkollhom l-opportunità mhux biss li jipparteċipaw fil-ħajja politika, soċjali u ekonomika, iżda wkoll li jkunu f’pożizzjonijiet fejn jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet u jagħtu sehemhom fit-tmexxija ta’ pajjiżna.
