105 jottijiet minn 30 pajjiż irreġistrati għas-47 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race

Il-Ministru Byron Camilleri jattendi t-tluq tas-47 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race - waħda mill-aktar tlielaq prestiġjużi tal-ibburdjar fil-Mediterran

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri attenda t-tluq uffiċjali tas-47 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race, waħda mill-aktar kompetizzjonijiet prestiġjużi tal-ibburdjar fil-Mediterran. It-tellieqa, li bdiet mill-Port il-Kbir fis-17 ta’ Ottubru, għal darb’oħra ġabet f’Malta ekwipaġġi u jottijiet minn diversi pajjiżi, u kompliet issaħħaħ il-preżenza ta’ pajjiżna fil-kalendarju internazzjonali tal-ibburdjar.

Għall-edizzjoni ta’ din is-sena, kienu rreġistrati 105 jottijiet minn 30 pajjiż, b’madwar 1,000 membru tal-ekwipaġġi mistennija jieħdu sehem. Il-flotta tinkludi jottijiet ta’ daqsijiet differenti, fosthom uħud li diġà kisbu riżultati importanti f’kompetizzjonijiet internazzjonali, kif ukoll ekwipaġġi li qed jieħdu sehem f’din it-tellieqa għall-ewwel darba.

“Ir-Rolex Middle Sea Race hija ħafna aktar minn tellieqa tal-ibburdjar. Kull sena, il-Port il-Kbir, wieħed mill-isbaħ portijiet fid-dinja, iservi bħala l-punt tat-tluq ta’ din il-kompetizzjoni prestiġjuża, li tpoġġi lil Malta fiċ-ċentru tal-attenzjoni internazzjonali. Għalina, dan l-avveniment huwa wkoll opportunità biex nuru l-potenzjal tal-isport Malti. Bħala Gvern, qed inkomplu ninvestu u naħdmu id f’id mal-għaqdiet sportivi biex insaħħu l-isport tal-ibburdjar f’pajjiżna, sport li diġà qed iġib suċċessi u jagħmel unur lil Malta fuq livell internazzjonali. Iżda għad fadal ħafna aktar xi jsir. Irridu nkomplu nibnu fuq dak li nkiseb, noħolqu aktar opportunitajiet għall-atleti tagħna u nagħtu lil dan l-isport l-appoġġ li jeħtieġ biex ikompli jikber. Permezz tal-investiment u l-kollaborazzjoni li qed inwettqu, nemmnu li nistgħu naslu għal aktar riżultati u suċċessi għall-isport Malti fis-snin li ġejjin,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru saħaq li l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet sportivi internazzjonali f’Malta għandha valur importanti għall-iżvilupp tal-isport lokali. Dawn l-avvenimenti joffru opportunità lill-atleti Maltin biex jikkompetu ma’ sportivi minn pajjiżi oħra, jiksbu esperjenza u jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, filwaqt li jħeġġu aktar żgħażagħ jersqu lejn dixxiplini sportivi differenti.

It-tellieqa tkopri distanza ta’ 606 mili nawtiċi, ekwivalenti għal madwar 1,125 kilometru. Ir-rotta tibda mill-Port il-Kbir u tgħaddi minn diversi żoni tal-Mediterran, fosthom l-Istrett ta’ Messina, Stromboli, Pantelleria u Lampedusa, qabel ma tintemm fil-Port ta’ Marsamxett. Din ir-rotta hija magħrufa għall-kundizzjonijiet tat-temp u tal-baħar li jistgħu jinbidlu malajr, u li jitolbu ħila, reżistenza u preparazzjoni mill-ekwipaġġi parteċipanti.

Ir-Rolex Middle Sea Race għandha storja li tmur lura għall-1968, meta saret l-ewwel edizzjoni tagħha b’parteċipazzjoni ta’ tmien jottijiet. Wara li għal xi snin ma baqgħetx issir, it-tellieqa reġgħet bdiet tiġi organizzata fl-1996, u din is-sena qed timmarka wkoll 30 sena minn meta reġgħet bdiet issir. Matul dan il-perjodu, kompliet tikber u tattira ekwipaġġi minn madwar id-dinja, biex illum hija avveniment stabbilit fil-kalendarju internazzjonali tal-ibburdjar.

Il-Kummodor tar-Royal Malta Yacht Club, Mark Napier, enfasizza li r-Rolex Middle Sea Race tkompli tattira baħħara minn madwar id-dinja, kemm dawk li diġà għandhom esperjenza tat-tellieqa kif ukoll oħrajn li qed jieħdu sehem għall-ewwel darba. Huwa rrikonoxxa wkoll il-kontribut tal-imsieħba, l-awtoritajiet u l-voluntiera li jgħinu biex din it-tellieqa tkun tista’ tiġi organizzata sena wara oħra.

It-tellieqa hija organizzata mir-Royal Malta Yacht Club, bis-sostenn ta’ Rolex u l-kollaborazzjoni ta’ diversi entitajiet u voluntiera. L-edizzjoni ta’ din is-sena qed tkompli tagħti lil Malta viżibbiltà internazzjonali fil-qasam tal-ibburdjar, filwaqt li toffri opportunità lill-pubbliku biex isegwi mill-qrib wieħed mill-aktar avvenimenti sportivi importanti li jsiru f’pajjiżna.

Il-Ministru Camilleri awgura lill-ekwipaġġi kollha għall-parteċipazzjoni tagħhom u rringrazzja lir-Royal Malta Yacht Club, lill-organizzaturi, lill-imsieħba u lill-voluntiera għall-ħidma tagħhom biex din it-tellieqa tkompli tkun parti importanti mill-kalendarju sportiv internazzjonali ta’ Malta.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport