TAGĦLIM TAL-MALTI

Aqra wkoll

Artikli dwar it-tagħlim tal-Malti fl-iskejjel kienu bla ebda dubju fost l-aktar kitbiet importanti li dehru fil-medja dis-sena. Akkademiċi u għalliema wissew li l-qagħda fil-klassijiet inbidlet bil-kbir minn kif kienet ħamsin u anke għoxrin sena ilu. Apparti mill-Maltin, it-tfal qed ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti, b’karatteristiċi kulturali u lingwistiċi differenti. L-Ingliż qed jispiċċa bħala l-ilsien li bih isir it-tagħlim waqt li ta’ spiss il-Malti jispiċċa jiġi imgħallem bħala lingwa barranija, lit-tfal Maltin ukoll. Barra min hekk, imdakkra mill-impatt tal-medja soċjali fost oħrajn, it-tfal ta’ spiss ikunu qed idaħħlu fid-diskors tagħhom kliem barrani, ibbastardjat jew le.

Il-problema tqum speċjalment fl-iskejjel tal-istat, imma anke f’dawk tal-Knisja u privati. Jekk fhimt tajjeb, għadhom nieqsa r-riżorsi meħtieġa mill-għalliema biex jaffaċċjaw l-isfida ta’ kif imexxu b’suċċess it-tagħlim tal-Malti lill-istudenti kollha, skont il-bżonnijiet tagħhom. Jonqos ukoll it-taħriġ li jagħti lill-għalliema t-teknika ta’ kif l-aħjar jittrasmettu l-għarfien tal-Malti lil tfal imdorrija b’użanzi  varjati.

GĦAT-TUL

Dwar deċiżjonijiet li jridu jittieħdu “għat-tul” fil-pajjiż, jeżistu numru ta’ alternattivi. Hemm dik li titkellem ħafna dwarhom, bi kliem grandjuż u vag, anke bil-publikazzjoni ta’ studji tassew maħduma tajjeb dwar x’jista’ jsir – mentri mbagħad jibqa’ ma jsir xejn.

Hemm l-alternattiva li tikkritika kull soluzzjoni tat-tul li tiġi proposta bħalha wisq ambizzjuża, għax tirrekjedi wisq riżorsi ekonomiċi u finanzjarji, jew għax politikament u soċjalment tqajjem dissens. Dil-kritika ssir mingħajr ma tiġi proposta minflok xi soluzzjoni differenti. 

Terġa’ wkoll, teżisti t-triq li wieħed jippretendi li m’hemm bżonn tal-ebda tqanqil u inkwiet; l-affarijiet sejrin tajjeb kif inhuma u nistgħu nkomplu mexjin kif aħna, bla ma nħabblu moħħna dwar x’jista’ jiġri pitgħada.

Ħabat tajjeb li fl-imgħoddi, quddiem l-isfidi tal-Indipendenza u tat-tneħħija tal-bażi militari Ingliża, id-deċiżjonijiet tat-tul li ttieħdu dwar il-futur ittieħdu bla ma ngħata kas tal-alternattivi tal-lum. 

IRVELLIJIET

Il-mewġa attwali ta’ irvellijiet minn studenti tal-klassijiet sekondarji għolja fi Franza malajr inxterdet mal-pajjiż kollu. Għalkemm sa fejn stajt nara, ftit għamlu l-paragun, lili fakkruni fil-protesti mqanqla li fis-sena 1968 kienu qamu fl-universitajiet Franċiżi b’ta’ Pariġi fuq quddiem nett. Dawn wasslu għal strajk ġenerali li għoddu qaleb il-gvern tal-President de Gaulle.

Veru li ċ-ċirkostanzi huma differenti, u l-irvellijiet ta’ Franza tas-snin sittin tas-seklu l-ieħor kienu parti minn qawmien taż-żgħażagħ fil-pajjiżi tal-Punent, mhux l-anqas fl-Istati Uniti. Imma dak iż-żmien ukoll, l-protesti Franċiżi kienu misjuqa minn rabja għax il-qasam terzjarju tħalla b’riżorsi inadekwati u tmexxa b’mod antikwat u awtoritarju. Dawn huma l-istess ilmenti li qed iqajmu l-istudenti sekondarji Franċiżi llum.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport