Il-Gvern qed ipoġġi l-fondi Ewropej fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu biex in-negozji Maltin ikunu aktar produttivi, innovattivi u kompetittivi. Permezz tal-iskemi Business Enhance taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, aktar minn 700 proġett qed jibbenefikaw minn madwar €45 miljun f’għotjiet, li jissarrfu f’investiment ta’ madwar €90 miljun. Dan l-investiment qed jgħin lill-intrapriżi jimmodernizzaw l-operat tagħhom, isaħħu l-produttività u joħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda.
Dan ġie mħabbar mill-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti waqt li indirizza l-konferenza Ahead Step One organizzata mill-Malta Chamber of SMEs. Huwa saħaq li l-appoġġ lill-intrapriżi żgħar u medji huwa investiment dirett fil-prosperità tal-pajjiż, hekk kif dawn jiġġeneraw aktar minn tliet kwarti tal-valur miżjud tal-ekonomija Maltija u jimpjegaw madwar 140,000 persuna. Il-konferenza offriet opportunità biex tiġi enfasizzata l-importanza tal-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-fondi Ewropej fit-tisħiħ tal-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli tan-negozji Maltin.
F’dan il-kuntest, l-intelliġenza artifiċjali ngħatat enfasi partikolari fl-intervent tal-Ministru. Huwa sostna li din qed issir għodda essenzjali wkoll għall-intrapriżi żgħar u medji, b’opportunitajiet biex itejbu l-effiċjenza, iżidu l-produttività, inaqqsu l-ispejjeż u jsaħħu s-servizz lill-klijenti. Dawn it-teknoloġiji jistgħu jgħinuhom jadattaw għall-ħtiġijiet tas-suq, jieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati u joħolqu opportunitajiet ġodda għat-tkabbir.
“Għal ekonomija ta’ gżira żgħira bħal Malta, irridu nikkompetu permezz tal-innovazzjoni, il-ħeffa li nadattaw, il-kwalità u t-teknoloġija. Il-viżjoni tagħna hija li ngħinu lin-negozji biex ikunu mħejjija għall-opportunitajiet u l-isfidi tal-futur,” saħaq il-Ministru Azzopardi Tanti. Huwa żied li l-istrumenti l-aktar riċenti ta’ Business Enhance jappoġġjaw id-diġitalizzazzjoni u investimenti relatati mal-intelliġenza artifiċjali, fosthom awtomatizzazzjoni, analiżi tad-data u soluzzjonijiet teknoloġiċi avvanzati.
Id-Deputat President tal-Malta Chamber of SMEs, Philip Fenech, saħaq fuq l-importanza ta’ konferenzi bħal din biex in-negozji żgħar u medji jiġu preparati għar-realtajiet tal-mument. “Il-konferenza iffukat fuq kif nistgħu nassistu lin-negozji biex ikunu aktar effiċjenti permezz tad-diġitalizzazzjoni u AI. Għalhekk ġibna kelliema apposta biex ikunu jistgħu jiltaqgħu mal-membri tagħna u anke biex nesploraw il-fondi Ewropej disponibbli permezz tal-Gvern,” kompla s-Sur Fenech.
Din il-konferenza offriet spazju biex tissaħħaħ il-ħidma lejn negozji aktar innovattivi u reżiljenti, fejn il-messaġġ kien wieħed ċar: li l-investiment fil-modernizzazzjoni tal-intrapriżi huwa investiment fil-ħaddiema, f’impjiegi ta’ kwalità u fil-prosperità tal-futur ta’ Malta. Il-konferenza enfasizzat l-importanza ta’ kollaborazzjoni kontinwa biex l-opportunitajiet tal-fondi Ewropej jissarrfu f’riżultati konkreti għall-ekonomija u s-soċjetà Maltija.

