Każ ta’ serq jitwaqqa’ minħabba li l-eżami tal-imputat ma kienx iffirmat minn Maġistrat

Aqra wkoll

Każ ta’ raġel mixli b’serq u attakk fuq persuna anzjana twaqqa’ wara li nstab li l-formola tal-eżami tal-imputat ma kinitx iffirmata mill-Maġistrat li kienet qed tippresjedi s-seduta waqt li sar l-eżami fit-13 t’Awwissu 2024.

Brian Mallia ta’ 52 sena residenti Bormla kien mixli li fit-2 t’Awwissu 2024, f’xi ħin bejn l-10.30 a.m. u s-2.00 p.m., f’Tas-Sliema, wettaq serqa fuq anzjana u kkaġunalha ġrieħi ħfief. 

Minbarra dan huwa kien mixli wkoll li nhar it-12 t’Awwissu 2024, naqas milli jħares il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati, li bihom kien ingħata l-ħelsien mill-arrest. 

Dan il-każ jikkonċerna serqa li fiha sfat vittma anzjana, li allegatament ġiet attakkata mill-imputat sabiex insterqitilha katina tad-deheb. B’riżultat ta’ dan, l-anzjan waqgħet u sofriet daqqa f’rasha kif ukoll ġrieħi ħfief fuq idejha u l-minkeb. Il-katina tad-deheb li nsterqitilha, b’valur ta’ madwar €200 baqgħetx ma ġietx irkuprata.

Filwaqt li l-prosekuzzjoni talbet biex l-imputat jingħata sentenza ta’ priġunerija effettiva, id-Difiża min-naħa tagħha qanqlet “preġudizzjal ta’ indoli proċedurali” billi qalet li l-eżami tal-imputat li sar fil-bidu ta’ dawn il-proċeduri huwa wieħed null. Dan minħabba li l-formola tal-eżami tal-imputat ma kinitx iffirmata mill-Maġistrat li kienet qed tippresjedi s-seduta waqt li sar l-eżami. 

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Nadine Sant Lia kkunsidrat illi l-Artikolu 395 tal-Kodiċi Kriminali jgħid bl-aktar mod skjett li “l-eżami tax-xhieda u tal-imputat għandu jiġi ffirmat mill-Maġistrat.” 

“Ħarsa lejn il-formola tal-eżami tal-imputat turi li verament din il-formola mhux iffirmata mill-Maġistrat li kienet qed tippresjedi l-udjenza dakinhar tat-13 t’Awwissu 2024. Lanqas ma jirriżulta mill-atti li dan in-nuqqas ġie b’xi mod imsewwi tul il-proċeduri billi jsir l-eżami mill-ġdid,” qalet il-Qorti. 

Għaldaqstant, il-Qorti, wara li rat il-Kapitli kollha tal-Liġijiet ta’ Malta, iddikjarat l-atti tal-istruttorja bħala nulli u invalidi u għalhekk astjeniet milli tqis ulterjorment l-akkużi kontra l-imputat. 

L-Avukat Silvan Pulis deher għal Brian Mallia.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport