Netflix ħabbret li se tnaqqas 1,000 impjieg madwar id-dinja,hekk kif dan il-ġgant tal-istreaming qed jiffaċċja kompetizzjoni minn rivali oħra. Dan it-tnaqqis – l-akbar wieħed mill-2022 ‘l hawn – se jolqot primarjament id-dipartimenti tar-riżorsi umani, tat-teknoloġija u l-uffiċċju legali. Dan it-tnaqqis fl-impjiegi jammonta għal madwar 6% tal-forza tax-xogħol totali tal-kumpanija.
Ix-xahar li għadda, il-Kap Eżekuttiv konġunt ta’ Netflix, Ted Sarandos, stqarr waqt is-summit ‘Bloomberg Screentime’ li l-kumpanija tiegħu ma kinitx qed tikber b’rata mgħaġġla daqs kemm jixtieq hu.
L-industrija tal-istrimjar għaddejja minn fażi ta’ konsolidazzjoni, wara l-amalgamazzjoni ta’ Paramount ma’ Warner Bros fi ftehim li jiswa $110 biljun; fl-istess waqt, pjattaformi b’xejn bħal YouTube u TikTok qed ikomplu jiġbdu lejhom l-udjenzi.
Netflix kienet waslet qrib li tikkonkludi ftehim ma’ Warner Bros, iżda fl-aħħar mill-aħħar, Paramount għamlet offerta aħjar u rebħet hi.
F’email lill-impjegati, Ted Sarandos u l-ko-kap eżekuttiv Greg Peters qalu li Netflix se tkompli tinvesti b’mod aggressiv f’oqsma ta’ impatt kbir biex ittejjeb is-servizz u tkompli tmexxi t-tkabbir u l-innovazzjoni.
Meta kkummentaw dwar il-“bidliet organizzattivi”, Sarandos u Peters qalu li l-missjoni tagħhom – li jagħtu divertiment lid-dinja – hija waħda ambizzjuża, u biex iwettquha, jridu jkunu dixxiplinati dwar fejn jagħtu prijorità lin-nies u lir-riżorsi tagħhom.
L-investituri qed jevalwaw l-impenn tal-utenti, jiġifieri l-ħin li l-klijenti jqattgħu fuq Netflix, hekk kif il-kumpanija tikkompeti ma’ pjattaformi oħra bħal YouTube u TikTok.
Il-kumpanija kompliet tikkummissjona programmi; bl-aktar wieħed popolari huwa “Below” sensiela misterjuża ambjentata taħt l-ilma. Ippruvat ukoll tespandi n-negozju tagħha, inkluż fil-qasam tal-logħob u billi tippermetti li jintwerew reklami qabel u waqt programmi u films.
Madankollu, l-kumpanija ma rnexxielhix issib sors ewlieni ieħor ta’ dħul, skont analista anzjan f’eMarketer. Huwa żied jgħid li l-Netflix għadha tiddependi fuq mudell ta’ negozju bbażat fuq abbonamenti, li jkun wasal fi stadju fejn it-tkabbir qed jieqaf.
L-aħħar sensiela kbira ta’ tkeċċijiet f’Netflix kienet fl-2022, meta kienu tilfu l-impjieg tagħhom madwar 450 impjegat wara li l-kumpanija tilfet abbonati għall-ewwel darba f’aktar minn għaxar snin.

