L-ex coach ta’ Chelsea u Tottenham, Antonio Conte, inħatar coach ta’ Napoli.
“Benvenuto Antonio,” kiteb il-president u s-sid tal-club Aurelio De Laurentiis fuq X, akkumpanjat minn ritratt ta’ Conte jiffirma l-kuntratt tiegħu.
Conte, li kkowċja wkoll lil Juventus u lil Inter, iffirma kuntratt ta’ tliet snin b’salarju ta’ €8 miljun fis-sena.
Huwa l-ħames coach ta’ Napoli fl-aħħar sena f’perjodu kaotiku għall-club li fl-istaġun 2022-23 rebaħ l-ewwel titlu tas-Serie A mill-1990, meta Diego Maradona kien għadu fl-aqwa tiegħu.
Napoli temmew l-istaġun 41 punt taħt iċ-champions il-ġodda Inter hekk kif Rudi Garcia, Walter Mazzarri u Francesco Calzona kollha naqsu milli jilħqu r-rebħ tat-titlu storiku ta’ Spalletti.
Spalletti issa jinsab fit-tmexxija tat-tim nazzjonali Taljan.
Conte rebaħ erba’ titli tas-Serie A, tlieta ma’ Juventus u wieħed ma’ Inter fl-2021, u kien ukoll rebbieħ tal-Premier League ma’ Chelsea fl-2017.
Huwa kważi ċertament se jkollu jgħaddi mingħajr l-attakkant Victor Osimhen, li huwa mira għal xi wħud mill-akbar clubs Ewropej.
Madankollu l-attakkant ewlieni l-ieħor ta’ Napoli, Khvicha Kvaratskhelia, jinsab taħt kuntratt sal-2027 u Conte allegatament talab li l-winger ta’ Georgia ma jinbiegħx minkejja l-interess irrappurtat minn Paris Saint-Germain.