Wednesday, August 5, 2026
Home Internazzjonali Anzjan jerġa’ jsib ċurkett li kien qala’ mingħand ommu wara li tilfu...

Anzjan jerġa’ jsib ċurkett li kien qala’ mingħand ommu wara li tilfu 50 sena ilu

0
712

Anzjan li joqgħod Leicestershire, l-Ingilterra, reġa’ sab ċurkett wara li kien tilfu madwar 50 sena ilu. Dan iċ-ċurkett kellu valur sentimentali għalih għax kien qalgħu m’għand ommu bħala rigal meta għalaq il-21 sena. Iżda sfortunatament kien tilfu fl-1968 waqt li kien qed qed jiġbor il-frawli mill-għalqa ta’ missier ħabib tiegħu. 

Huwa kien dam is-sigħat ifittxu bit-tama li jsibu iżda ma rnexxilux. Minħabba li ċ-ċurkett kien ftit kbir għal subgħajh, ma kienx induna mill-ewwel li tilfu. 

Ix-xahar li għadda, persuna li tipprova tagħmel skoperti fuq oġġetti mitlufa rnexxielha ssib iċ-ċurkett wara li ġiet infurmata mingħand l-istess sid dwar dan iċ-ċurkett u l-istorja tiegħu. 

L-anzjan irċieva telefonata mingħand il-ħabib tiegħu li ċ-ċurkett instab għalhekk ferħan se jtir b’din is-sejba mar għandu biex jiġbru. 

Huwa rrakkonta kif il-familja tiegħu ma kinitx f’qagħda finanzjarja tajba f’dawk iż-żminijiet għalhekk iċ-ċurkett kien ifisser ħafna għalih. Huwa spjega kemm ommu kienet imdejqa, mhux għax tilef iċ-ċurkett imma għax kienet tara lilu mdejjaq wara li baqa’ ma sabux.