Friday, April 26, 2024

Anzjana maqtula u mqattgħa biċċiet fl-Italja… arrestata waħda minn uliedha

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Każ inkwetanti seħħ f’Melzo, provinċja ta’ Milan. Il-pulizija Taljana riċentement sabu l-kadavru mbiċċer, imgeżwer fil-plastik u moħbi f’banju ta’ Lucia Cipriano, anzjana ta’ 84 sena li kienet tbati mid-dimensja. B’konnessjoni ma’ dan il-qtil ġiet arrestata waħda mit-tlett ibniet li kellha din il-vittma.

Dan l-att kriminali terribbli ħasad lin-nies tal-inħawi minħabba li kien wieħed verament makabru. Il-“Giornale di Sicilia” irrapporta li l-ġisem, parzjalment imqattgħa b’serrieq, instab fi stat ta’ dikompożizzjonii avvanzata. Mill-investigazzjonijiet jidher li l-qtil tal-vittma vulnerabbli seħħ xahrejn ilu.

Is-sejba saret ftit tal-jiem ilu grazzi għall-intervent ta’ waħda mill-ulied tal-anzjana wara li hija ppruvat tmur taraha iżda l-oħt l-oħra ma ħallitiex tidħol fl-appartament fejn kienet tgħix ommhom. Fil-ħabs intefgħet Rosa Fabbiano ta’ 58 sena, li kienet tieħu ħsieb lill-ommha u kellha ċavetta tal-appartament fi Triq Boves, f’Melzo. L-akkuża li mistennija tiġi ppreżentata fil-konfront ta’ Rosa hija dik ta’ qtil volontarju u ħabi ta’ kadavru.

Minħabba l-istat avvanzat ta’ dikompożizzjoni l-Carabinieri għad iridu jikkonfermaw x’ikkawża l-mewt ta’ Lucia. L-ipoteżi li għandhom hija li Rosa fgat lil ommha u l-motiv wara dan il-qtil jidher li huma problemi familjari serji kkawżat minn tbatija tul is-snin aggravati mill-marda tad-dimensja u l-piż tal-kura meħtieġa li waqa’ kollu fuq bint waħda mit-tlieta li kellha l-vittma.

Sport