Friday, December 27, 2024

Approvati l-emendi li jħarsu l-ħajja u s-saħħa tal-omm f’każ ta’ kumplikazzjonijiet fit-tqala

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Parlament approva b’mod unanimu l-emendi fil-Kodiċi Kriminali li jissalvagwardjaw is-saħħa u l-ħajja tal-omm f’każ ta’ kumpilazzjonijiet waqt it-tqala. B’dawn l-emendi l-ġodda qiegħda tiġi ċċarata l-intenzjoni tal-leġiżlatur – dak li jipproteġi lill-mara tqila u professjonist f’każijiet fejn l-omm, minħabba kumplikazzjoni medika, tkun qiegħda f’riskju li titlef ħajjitha kif ukoll fejn saħħet il-mara tkun f’periklu gravi li jista’ jwassal għall-mewt.

Kien il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard li ressaq it-Tielet Qari tal-Abbozz ta’ Liġi Nru 28 – Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali (Emenda Nru. 3) li kien issekondat mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg. Wara ttieħed il-vot u l-Parlament b’mod unanimu approva t-tielet qari ta’ dan l-abbozz.

L-emendi l-ġodda jgħidu li l-eżenzjoni mir-responsabbiltà kriminali hija bbażata fuq il-ħtieġa immedjata li professjonist mediku jintervjeni u jieħu dawk il-passi neċessarji minnufih biex isalva l-ħajja tal-mara tqila li jkollha ħajjitha f’riskju u li jekk dak l-intervent ma jsirx, il-mara u per konsegwenza anke l-fetu jitilfu ħajjithom.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, it-tabib għandu jistabbilixxi li l-fetu ma jkunx laħaq iż-żmien ta’ vijabilità qabel isir l-intervent. Jekk ikun laħaq iż-żmien ta’ vijabilità, l-intervent isir biex jitwelled.
L-eżenzjoni mir-responsabbiltà kriminali tapplika biss jekk kemm-il darba, il-professjonist mediku, qabel jipproċedi bit-terminazzjoni tat-tqala, ikun assigura ruħu li m’hemmx possibbiltà medika oħra skont il-prattiċi mediċi kurrenti f’Malta.

L-emendi jgħidu wkoll li tim mediku kompost minn tliet tobba, reġistrati bħala speċjalisti mal-Kunsill Mediku taħt l-Att dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa, li tnejn minnhom ikunu ostetriċi jew ġinekoloġi u li wieħed minnhom ikun l-ostetriku li jwettaq l-intervent, u t-tielet tabib ikun speċjalista fil-kundizzjoni li minnha l-mara tqila tkun qiegħda tbati, iridu jikkonfermaw li:
a) il-fetu ma jkunx laħaq il-vijabilità u ma jkunx jista’ jitwelled skont l-istandards tal-professjoni medika; u
b) l-intervent mediku jitwettaq biss wara li t-tim mediku jkun ikkonferma n-neċessità tal-intervent, u;
c) l-intervent mediku jitwettaq fi Sptar Liċenzjat u li jkollu l-faċilitajiet neċessarji biex jitwettaq l-intervent mediku meħtieġ.

Il-liġi issa mistennija tmur quddiem il-President tar-Repubblika biex jiffirmaha u b’hekk tidħol fis-seħħ.

Ekonomija

Sport