Friday, May 17, 2024

Żieda ta’ żoni ġodda tal-għawm għall-klieb f’Malta u Għawdex

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said ħabbru li matul is-sajf li ġej, iż-żoni madwar il-kosta meqjusin bħala dog-friendly żdiedu għal 16—12-il bajja f’Malta u 4 f’Għawdex.

Matul ix-xahar ta’ Marzu, id-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali, b’mod konġunt ma’ ħaddiema tas-Saħħa Ambjentali, eżaminaw diversi żoni u bajjiet differenti f’pajjiżna. Wara li evalwaw mas-sittax-il proposta differenti, ġew magħżula bajja oħra fin-Nofsinhar ta’ Malta f’Marsaskala, bajja fiċ-Ċirkewwa, bajja fil-Mellieħa, u tnejn oħra fil-gżira Għawdxija.

Dawn il-bajjiet ġew magħżula wara rapport intensiv fuq il-kwalità tal-ilma li jinsab f’dawn iż-żoni, il-bżonn ta’ distanza raġjonevoli minn żoni tal-għawm preżenti, u l-aċċessibilità ta’ dawn iż-żoni mill-annimali u s-sidien tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said sostniet “Bħala Gvern nirrikonoxxu l-bżonn ta’ iktar spazji miftuħa biex id-diversi sidien ikunu jistgħu jieħdu lill-klieb tagħhom u jgawdu l-baħar. Għaldaqstant, b’dak li qegħdin nippreżentaw illum huwa pass sinjifikanti fit-twettiq ta’ din il-wegħda elettorali. Il-benefiċċji li joħorġu minn dawn l-inizjattivi huma ħafna – kemm għas-sidien li qed inżidulhom l-ispazji fejn jistgħu jqattgħu aktar ħin mal-klieb tagħhom, kif ukoll għall-annimali infushom.”

Is-Segretarju Parlamentari kkonkludiet billi faħħret il-ħidma li saret mill-uffiċjali tad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali u fakkret kif dawk kollha li jagħmlu użu minn dawn il-bajjiet għandhom ikunu responsabbli.

Il-lista ta’ dog-friendly beaches li se jkunu aċċessibbli huma:

Daħlet ix-Xmajjar, Mellieħa
Ramlet it-Torri, Mellieħa
Bajja tal-Imġiebaħ, Selmun, Mellieħa
Ramlet il-Qortin, Mellieħa
Ir-Ramla ta’ Wied Musa, Ċirkewwa
Baħar iċ-Ċagħaq, wara l-Isplash and Fun, Naxxar
Tigne Point, Sliema
Il-Bajja tar-Rinella, Kalkara
L-Ilsien, Żonqor Point, Marsaskala
Il-Bajja ta’ San Tumas, Marsaskala
Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk
Bajja viċin is-Sailing Club, Birżebbuġa
Il-Bajja tal-Qbajjar, Żebbuġ
Ras il-Ħobż, Għajnsielem
Il-Bajja ta’ Gorgun, Mġarr, Għawdex
Il-Bajja tad-Dwejra, San Lawrenz

Sport