Wednesday, July 17, 2024

ARA: Bird Life Malta b’azzjoni simbolika … issostni li ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi

Aqra wkoll

BirdLife Malta lbieraħ organizzat azzjoni simbolika f’Misraħ Kastilja fil-Belt Valletta fejn numru ta’ persuni bilwieqfa żammew f’idejhom ritratti ta’ għasafar tal-passa, hekk kif indaqqet mużika li fiha nstemgħu jgħannu l-għasafar. Minn ħin għall-ieħor il-mużika kienet interrotta ħesrem mill-ħoss tal-isparar tas-snieter tal-kaċċa. Ma’ kull tir, il-parteċipanti waqgħu mal-art fuq it-taraġ ta’ Kastilja hekk kif ir-ritratt li kellhom f’idejhom inbidel biex juri għasafar protetti feruti jew maqtula. Imbagħad inħarġu żewġ strixxuni, wieħed jappella għall-kuraġġ mill-awtoritajiet biex ma jibqgħux jibżgħu quddiem min jikser il-liġi u l-ieħor b’messaġġ ċar li l-qtil rampanti tat-tajr protett li qed iseħħ f’Malta. 

Skont stqarrija minn BirdLife Malta ntqal li matul l-aħħar snin, il-liġijiet tal-ħarsien tal-għasafar bdew jiġu mdgħajfa b’mod sistematiku sabiex ikun żgurat li l-kaċċaturi jeħilsuha ħafif. Diversi liġijiet, fosthom dik li tirregola l-ibbalzmar tal-għasafar, ġew emendati biex jinġiebu fi stat li impossibbli jiġu infurzati, waqt li liġijiet oħrajn bħal dik tal-kaċċa għall-Fenek Selvaġġ ġew emendati biex jinħolqu lakuni ċari li jippermettu lill-kaċċaturi jikkaċċjaw għall-għasafar waqt l-istaġuni magħluqa. 

Qalet ukoll li llum saret xi ħaġa komuni li dan it-tajr protett jispiċċa fil-mira tal-kaċċaturi fi nżul ix-xemx, meta jinqatlu numri kbar ta’ għasfar protetti fil-ħin li jkunu qed ifittxu post fejn jorqdu. Dwar l-ibbalzmar, u s-sitwazzjoni li nħolqot fil-passat ta’ kollezzjonijiet kbar ta’ tajr ibbalzmat li għandhom il-kaċċaturi Bird Life qalet li l-kaċċaturi qed ikomplu għaddejjin bit-trasferimenti tal-għasfar bejniethom, anke jekk dan hu illegali. 

Bird Life tenniet li l-gvern għandu jxammar il-kmiem u jara li fejn isir il-ħażin, issir ġustizzja biex jingħata messaġġ li ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi.

YouTube video
Ekonomija

Sport