Tuesday, May 14, 2024

ARA: Bżonn tim ta’ Maġistrati mħarrġa u ddedikati fuq il-vjolenza domestika 

Audrey Friggieri, il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika

Aqra wkoll

Kulħadd għadu jiftakar il-qtil brutali ta’ Bernice Cassar ftit tal-ġranet ilu, każ ieħor ta’ vjolenza domestika li sfortunatament qed terfa’ rasha f’dawn l-aħħar xhur.

Dan is-sit tkellem ma’ Audrey Friggieri, il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, fejn tatna l-fehma tagħha dwar dan is-suġġett tant delikat.

M’hemmx dubju li l-qtil ta’ Bernice Cassar huwa każ ieħor ta’ vjolenza domestika severa. Huwa evidenti li għalkemm sar progress fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika dan ma kienx biżżejjed. X’tikkummenta Audrey Friggieri?

YouTube video

“Naqbel miegħek li sar progress f’din l-isfida tant iebsa, għalkemm fadal xi jsir. Tajjeb iżda li ngħidu li l-bnedmin ma tafx kif se jirreaġixxu f’ċerti mumenti ta’ ħajjithom, u xi jkun għaddej f’moħħhom. Għalhekk kontroll dwar dan kollu ftit jista’ jkollna sakemm il-persuna l-oħra involuta ma tindunax b’xi ħjiel li jista’ jkun hemm, speċjalment jekk il-persuna l-oħra turi xi tip ta’ vjolenza. Madankollu nista’ ngħidlek li qed nagħmlu ħafna xogħol biex ngħinu lil diversi nies, filwaqt li nedukaw u nxerrdu għarfien kemm nistgħu.”

Friggieri qalet li bħal ħaddieħor, ħadet xokk kbir meta saret taf b’din l-aħbar. Ħadd ma xtaq li dan kollu jiġri u fuq kollox kulħadd qed isaqsi l-mistoqsija “Imma kif?”

“Forsi kulħadd qed isemmi l-pulizija jew inkella l-qrati. Tajjeb li ngħidu li dawn jaħdmu bla heda iżda għandhom bżonn aktar riżorsi umani. Hemm bżonn li jekk persuna tagħmel rapport, din tinqeda malajr mhux trid tistenna ħafna żmien. 

“Nista’ ngħidlek li l-maġistrata preżenti qed tagħmel xogħol kbir iżda ma tistax tlaħħaq waħedha. Din wirtet ħafna każijiet. Idealment ikun hemm tim ta’ maġistrati fuq il-vjolenza domestika ħa mmexxu. Ħalli meta tiġi persuna tirrapporta, ma jkollhiex tmur lura tgħix ma’ min qiegħed jaggrediha f’darha.

“Hem bżonn ta’ aktar riżorsi umani kemm fid-Domestic Violence Unit tal-Pulizija kif ukoll fil-Qrati tagħna. Ma naħsibx li se nsolvuha billi nżidu Maġistrat ieħor, ikollna tnejn, bid-domanda li hawn. Idealment ikun hemm tim ta’ maġistrati mħarrġa apposta u ddedikati fuq il-vjolenza domestika.” 

Saqsejna lil Audrey Friggieri x’hemm bżonn isir biex titrażżan il-vjolenza domestika u b’hekk jiġu evitati aktar imwiet ta’ nies.

“L-ewwelnett naħseb irridu naħdmu fuq il-kultura tas-soċjetà li ngħixu fiha llum il-ġurnata. B’xorti ħażina, ħerġin minn kultura fejn kien hemm l-idea  li bniedem tikkoreġih billi tuża’ xi tip ta’ vjolenza. Fil-passat it-tfal kienu jiġu msawwta jekk jagħmlu xi ħaġa ħażina. Illum indunajna li dak il-metodu ma jaħdimx. Hemm nies li xi darba kienu tfal u esperjenzaw ħafna swat. Għalihom dik kienet xi ħaġa normali għax is-subkonxju tagħhom jgħidilhom li jekk bniedem iħobbok, isawtek għax iħobbok u jridlek il-ġid biex jikkoreġik. Dawn it-tfal jikbru u jitilgħu mdorrijin hekk u jinħoloq ċirku vizzjuż.”

YouTube video

Friggieri tgħid li dan hu raġunament perikoluż u mħallat ma’ dan kollu għad hemm familji li jpoġġu lir-raġel fi stat mod u l-mara f’ieħor. Għad hawn il-mentalita’ li r-raġel hu dak il-bniedem li jaħdem, jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum u li hu superjuri għall-mara li min-naħa l-oħra għad hemm min iqisha bħala dik li ġġib it-tfal fid-dinja, taħsel, tnaddaf u ssajjar l-ikel għar-raġel.

Hawnhekk il-kummissarju fil-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika qalet li qed jaħdmu qatigħ sabiex jedukaw lin-nies li din il-mentalita’ issa m’għadhiex treġi u li hemm bżonn tiġi rrispettata d-dinjita’ ta’ kull bniedem, kif ukoll id-dritt ta’kull persuna li tagħmel id-deċiżjonijiet tagħha hi stess, u tgħix il-ħajja tagħha kif tixtieq hi..

Friggieri semmiet ukoll każijiet xi ftit koroh li jgħaddu minnhom ċerti familji.

“Hemm każijiet partikolari fejn nisa jkunu mċaħħda mill-kontribut finanzjarju għall-familja min-naħa tar-raġel, u din taf ma tkunx neċessarjament minħabba li hemm problema ta’ flus, iżda minħabba l-pika. Fl-istess ħin, hemm min isibha diffiċli jmur biex jirrapporta anke għax ġenituri tar-raġel jew il-mara jgħidulhom li se jċappsu l-unur tal-familja jekk jagħmlu hekk. Għalhekk jibqgħu lura u jbatu fis-skiet. Din mhux limitata biss għan-nisa iżda anke għall-irġiel. Tajjeb li ngħidu wkoll li hemm anke każijiet simili fost koppji LGBTIQ. . Iġifieri din it-tema tgħodd għal kulħadd.

Audrey Friggieri tkellmet dwar il-kampanja ta’ edukazzjoni li għaddejja min-naħa tal-Kummissjoni fl-iskejjel fejn mal-istudenti tas-sekondarja ġie introdott programm edukattiv li jindirizza n-namur fost iż-żgħażagħ: Safe Dates. Dan . Fil-fatt hi xi ħaġa reali li hawn diversi żgħażagħ li qed jidħlu f’relazzjoni ma’ ħaddieħor sa minn kmieni. Permezz ta’ dan il-programm li jintuża b’suċċess anke barra minn Malta, iż-żgħażagħ ikollhom l-opportunita’ jaħsbu b’mod kritiku u jiddiskutu imġibiet f’relazzjonijiet li huma jistgħu isibu ruħhom fihom. Fost affarijiet oħrajn, huma jitgħallmu x’jiġifieri tirrispetta lilek  innifsek u lil ħaddieħor, id-dritt tagħhom li jgħidu le, u safejn għandhom jaslu speċjalment f’ċerti ċirkostanzi intimi.

Iżda l-kummissjoni kemm kellha rapporti li ġew min-naħa ta’ rġiel u mhux min-nisa?

“Jaslu inqas rapporti mingħand irġiel. Biex inkompli ma’ dak li tkellimt fuqu qabel, is-soċjetà wirtet valuri msejħa patrijarkali – bejn li ġew mill-knisja kif ukoll minn forzi dominanti konservattivi li ħolqu sterjotipi dwar ir-rwol tar-raġel u dak tal-mara. Semmejniehom aktar qabel u dawn għamlu u għadhom jagħmlu l-ħsara. Ma tantx hi xi ħaġa sabiħa li tisma’ rġiel jgħidu l-frażi, “Dik il-mara tiegħi u tagħmel li ngħid jien!”. Din hi tip ta’ soċjetà li writna, u li timponi aktar milli tagħti spazju. U dan ħoloq ċertu ħsara li sfortunatament għadha għaddejja sal-lum il-ġurnata.

Iżda kemm taħseb li se tkun effettiva l-idea li persuna tiċċekkja fuq is-sieħeb/sieħba qabel tidħol f’relazzjoni magħha? Taħseb li din se twassal biex jitrażżnu l-każi ta’ vjolenza domestika?

“Diffiċli tgħid, għalkemm dan se jkun pass pożittiv sabiex tittejjeb l-istruttura u tiġi aktar vijabbli biex dak li jkun jiċċekkja l-affarijiet sew.”

YouTube video

“Dan se jsir biex persuna li qegħda f’relazzjoni tara jekk is-sieħeb tagħha, kemm mara jew raġel, qatt ġewx misjuba ħatja ta’ vjolenza domestika. Fil-każ ta’ persuna li tkun trid tagħmel din it-talba, il-pulizija titkellem wiċċ imb’wiċċ magħha biex tivverifika u taċċerta li t-talba hija ġustifikata. Fl-Ingilterra din hi magħrufa bħala Clare’s Law.”

Audrey Friggieri xtaqet tagħlaq din l-intervista b’appell.

“Hu importanti li fi stadju meta r-relazzjoni se tkun qed issir aktar intima, il-persuna konċernata tevalwa r-relazzjoni tagħha mal-persuna l-oħra, sabiex tifhem sew jekk il-persuna hux verament qed turi imħabba u rispetto, u fuq kollox hux qed  tieħu ħsieb li tħares is-saħħa u s-sigurtà tiegħek tul din ir-relazzjoni.” 

Sport