Monday, May 13, 2024

Ara: Futur eċitanti għad-Dwana ta’ Malta

Diretturi Ġenerali tad-Dwani Ewropej se jiltaqgħu f'Malta

Aqra wkoll

Malta se tkun qed tospita laqgħat għad-diretturi ġenerali tad-dwaniet tal-Ewropa u l-assoċjazzjonijiet kollha. Dan kollu se jsir lejn tmiem is-sena d-dieħla u għal Malta din hi okkażjoni tajba sabiex tikkonferma r-reputazzjoni tant tajba li għandha d-Dwana Maltija. 

Dan żvelaħ id-Direttur Ġenerali tad-Dwana ta’ Malta Joseph Chetcuti f’intervista li ta lil talk.mt li matulha tkellem dwar diversi punti li jolqtu sew dan is-settur tant importanti għall-ekonomija Maltija.

F’dawn l-aħħar snin, id-dwana Maltija kisbet diversi suċċessi tant li ġiet ikklassifikata fost l-aqwa fl-Unjoni Ewropea. Bħala l-aġenzija ewlenija fuq quddiemnett fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu, id-Dwana għandha wkoll fuq spallejha responsabiltajiet partikolari. 

YouTube video

Fuq naħa waħda trid tiffoka ħafna fuq il-ħtieġa li tiffaċilita bl-aktar mod qawwi l-ħajja tal-kummerċjant ġust. Mill-banda l-oħra, dan id-dipartiment tant importanti jrid jeżerċita dawk il-kontrolli kollha neċessarji biex jiżgura li min mhux jonora l-obbligi fiskali tiegħu ma jitħalliex ikompli jagħmel dan. Fl-aħħar mill-aħħar trid ukoll titwettaq sorveljanza riġida biex tiggarantixxi s-saħħa u s-sigurtà tas-soċjetà.

Is-Sur Chetcuti, li nħatar direttur ġenerali tad-dwana f’April 2016, ilu fid-Dwana għal aktar minn tletin sena fejn baqa’ tiela’ skaluna wara l-oħra sa ma laħaq fil-karig tiegħu preżenti tiegħu. Kif fisser huwa stess, l-għan tiegħu minn dejjem kien li jara żvilupp qawwi fis-settur doganali u jkompli jimmodernizzah għall-ħtiġijiet tal-lum il-ġurnata.

Għażilna li nibdew dwar suġġett li ilu magħna minn żmien żemżem; il-kuntrabandu. Fil-fatt, bl-iżviluppi mgħaġġla li qed iseħħu fit-teknoloġija, il-kuntrabandu sar iktar sofistikat u qed iġib sfidi ġodda u differenti għad-Dwana ta’ Malta.  

Is-sur Chetcuti rrikonoxxa li llum il-ġurnata l-kuntrabandu sar iktar organizzat u dan offra sfidi ġodda għall-istess dwana. Dan kollu ma qatax qalb dawk involuti f’dan id-dipartiment tant li kien hemm investiment qawwi fuq tagħmir modern li jaqbad affarijiet li jistgħu jkunu waslu f’Malta b’mod illegali. Dan kollu għamel ix-xogħol tad-dwana ferm aktar effiċjenti filwaqt li qed ikun mudell għal pajjiżi oħra li jaddottaw sistemi simili li tant qed jaħdmu f’pajjiżna.

“Irrid ngħid li l-ebda parti tad-dinja ma tista’ teżamina kull ħaġa li tidħol għax inkella twaqqaf il-kummerċ. Għalhekk irid jinstab bilanċ kif dejjem ngħid. Irid ikun hemm element ta’ nfurzar, nanalizzaw ir-riskji kollha u nimxu ma’ proċedura partikolari. Għandna sistemi elettroniċi li jgħinu sabiex niċċekkjaw ċerti affarijiet. Ma’ dawn jiżdiedu ‘l hekk imsejjaħ non-instrusive equipment fejn din is-sistema teżamina l-kontenut mingħajr ma’ tiftaħ il-kontejners. Dan kollu flimkien ma’ servizzi ta’ intelliġenza li jikkoperaw u jaqsmu informazzjoni ma’ sistemi oħra.”

Joseph Chetcuti kkonferma li din il-proċedura li tittieħed hi ta’ suċċess enormi u dan ġab tifħir kbir minn diversi diretturi ta’ dwaniet oħra madwar id-dinja.

Wieħed jista’ jifhem li d-dwana fi kwalunkwe pajjiż ma tkunx effiċjenti jekk topera għal rasha f’iżolament jew mingħajr kuntatti ma’ dwani jew istituzzjonijiet oħra. Iżda d-Dwana ta’ Malta fejn tinsab f’dan ir-rigward ta’ kuntatti ma’ dwana ta’ pajjiżi oħra?

“Id-dwana Maltija hi parti minn Customs Union fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Ġaladarba aħna membri sħaħ ta’ din l-aktar għaqda kontinentali, wieħed jista’ jgħid li aħna parti minn għaqda doganali waħda. Hemm postijiet fejn ikun hemm laqgħat u hemm kollaborazzjoni sħiħa ma’ dwaniet oħra fosthom anke ikbar minn hekk bħal World Customs Organization. F’din l-għaqda dinjija hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn id-dwana u l-pulizija sabiex jitwaqqaf kull oġġett li hu kkunsidrat illegali.”

Ġaladarba qed nitkellmu fuq il-pulizija, Chetcuti faħħar ix-xogħol li jagħmlu speċjalment meta tqis li dan hu estensjoni ta’ dmirijethom. Hemm fuq kollox it-taqsima tal-klieb li saħansitra jxommu flus u dan jgħin sabiex il-proċess jimxi bl-aktar mod effiċjenti. Fl-istess waqt hemm kuntatti kontinwi mal-Europol, Interpol u Servizzi Ingliżi li flimkien mal-Frontex jassiguraw li jkun hemm sigurta’ kontinwa.

Minn dak li nafu, id-Dwana ta’ Malta qed tikseb suċċess wara ieħor kważi kuljum fi qbid ta’ kuntrabandu, minn oġġetti dubjużi u mhux oriġinali, ħruġ eċċessiv ta’ flus mill-pajjiż fl-ajruport, sa serq ta’ karozzi minn pajjiżi oħra. Tabilħaqq id-Dwana ħaqqha kull tifħir. iżda, biex tkompli b’dan is-suċċess, dan id-dipartiment qed ikompli jinvesti biex tissokta b’din il-ħidma effiċjenti tagħha fiż-żmien li ġej.

“Jien ngħid li jekk ma tinvestix f’għodda utli u neċessarja ma tkunx tista’ tiffunzjona bl-aħjar mod possibbli. Għalhekk barra l-investiment li għamilna, ħsibna wkoll fir-riżorsi umani li tant huma importanti. Huma jridu jkunu jafu jħaddmu l-għodda filwaqt li jridu jkunu ħabrieka sabiex apparti l-integrita’ u valuri sodi, jkun hemm governanza mill-aqwa.”

Hu għalhekk li skont is-sur Chetcuti, il-ħaddiema tad-dwana qed jirċievu taħriġ kontinwu sabiex jibqgħu aġġornati bl-aħħar żviluppi. Dan kollu qed isir b’kollaborazzjoni ma’ l-MCAST u l-Universita’ ta’ Malta. Fl-istess waqt qed jiġu mfittxija dejjem aktar programmi ta’ taħriġ tal-Unjoni Ewropea u tal-World Customs Organization.

Fil-kuntest Ewropew minn wara li pajjiżna sar stat membru tal-Unjoni Ewropea, xi rwoli qed tieħu d-Dwana, jew l-uffiċjali tagħha fl-istitużżjonijiet kemm tal-UE u anki f’oħrajn ‘il barra mill-Ewropa?

Skont is-sur Chetcuti, id-Dwana Maltija hi parti minn għaqda doganali fejn isiru laqgħat regolari fuq diversi aspetti ta’ ħidmiethom. Bi pjaċir wieħed jista’ jsemmi kemm id-dwana hi attiva fil-World Custom Organization tant li fil-futur mhux ‘il bogħod Malta se tkun qed tospita laqgħat għad-diretturi ġenerali tad-dwaniet tal-Ewropa u l-assoċjazzjonijiet kollha. Dan kollu se jsir lejn tmiem is-sena d-dieħla u għal Malta din hi okkażjoni tajba sabiex tikkonferma r-reputazzjoni tant tajba li għandha d-dwana Maltija.  

Fuq kollox, hemm anke għaqdiet li mhumiex parti mill-Unjoni Ewropea u li magħhom hemm rabtiet kbar fosthom mas-settur Ażjatiku fejn isir ftehim kull sentejn. L-għan hu dejjem wieħed; li jiġi diskuss x’għandu jsir għat-triq ‘il quddiem.

Fost setturi li għandhom x’jaqsmu ma’ din l-għaqda hemm it-transhipment hub, il-Customs Mediterranean Forum u għaqda oħra għad-dwaniet fil-Mediterran. Is-suġġetti li jiġu diskussi dejjem ikunu ta’ interess u l-ħtieġa ta’ aktar għaqda qed tiġi mfittxija dejjem aktar.  

Ċertament li wara dawn il-fatti u anke ċifri pożittivi li ħarġu, il-futur tad-Dwana Maltija jidher wieħed eċitanti u pożittiv. Fuq kollox, l-isfidi jibqgħu hemm iżda bil-proċedura eżistenti u b’teknoloġija avvanzat, id-dwana Maltija tista’ tkompli tagħmel xogħolha bl-aqwa mod possibbli.

Sport