Friday, April 26, 2024

ARA: Id-diski l-kbar reġgħu ħadu spinta … innutata konkorrenza anki fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa

Talk.mt f’intervista ma’ Anthony D’Amato, wieħed mis-sidien tal-iktar ħanut antik tad-diski fid-dinja

Aqra wkoll

Fil-lingwa Maltija huwa magħruf sew il-qawl “il-musmar il-ġdid jaqla’ l-qadim”. Huwa fatt li xi ħaġa ġdida tqajjem ċertu kurżità fil-bniedem u għatx sabiex jesperimenta invenzjoni ġdida. Però, xi drabi fil-bniedem tinbet ukoll ix-xewqa għal dak li hu antik; għall-imgħoddi. Dan jista’ jiġri fost l-oħrajn għax ninħakmu min-nostalġija jew għaliex il-ġenerazzjoni friska tkun tixtieq tiffamiljarizza ruħha mal-istil ta’ ħajja li għexu l-antenati tagħha.

Dan il-fenomenu qed narawh f’diversi setturi, fosthom fil-ġojjellerija, fil-ħwejjeġ u saħansitra fil-ġeneri tal-mużika. Talk.mt tkellem ma’ Anthony D’Amato, wieħed mis-sidien ta’ ħanut tad-diski fil-Belt. Huwa qalilna li: “Id-diski reġgħu ħadu spinta ‘l quddiem, speċjalment il-Long Plays (LP)” — diski kbar b’dijametru ta’ madwar 25-30 cm, b’33 u 1/3 RPM (revolutions per minute).

Hawnhekk, D’Amato żied jgħid ma’ dan is-sit li saħansitra kienu d-diski l-kbar li salvaw din l-industrija, u li nnutaw konkorrenza anki fost iż-żgħażagħ, bil-klijentela tvarja sa mill-età ta’ sitt snin u tibqa’ tielgħa sa nies li jlaħħqu d-90 sena.

Mistoqsi jekk hu flimkien mas-sidien l-oħra ta’ dan il-ħanut għandhomx il-ħsieb li jbiddlu l-ġeneru ta’ speċjalizzazzjoni, huwa qalilna li s’issa ma jidhirx li għandhom pjanijiet ta’ dan it-tip għall-futur qarib. Kien hawnhekk li qalilna illi l-ħanut tal-familja tiegħu huwa meqjus bħala l-iktar wieħed antik fid-dinja f’dak li hu ġeneru tad-diski: “Jien nimmaġina li nibqgħu għaddejjin b’dan il-ġeneru għax illum aħna meqjusin bħala l-iktar ħanut antik tad-diski fid-dinja”.

Ħanut li l-istorja tiegħu hija mifruxa fuq tliet sekli

Il-ħanut ‘Anthony D’Amato’ ra l-bidu tiegħu fl-1885; ħanut li sal-lum ilu għaddej b’ħidma ta’ madwar 138 sena u għalhekk esperjenza diversi avvenimenti li laqtu lil pajjiżna, fosthom il-Gwerer Dinjin u l-pandemiji.

D’Amato qalilna li kollox beda minn bużnannuh. Għall-ewwel kien fetaħ bl-għamara, però ftit snin wara, fis-snin 90 tas-seklu 19 qelbu bid-diski. D’Amato żied jispjega li l-istorja ta’ dan il-ħanut fil-ġeneru tad-diski għadha ħajja sal-ġurnata tal-lum, kif anki spjegajna iktar ‘il fuq meta D’Amato qalilna li l-pjanijiet tagħhom għall-futur x’aktarx li mhux se jinbidlu.

Lejn l-aħħar tas-snin 20 u l-bidu tas-snin 30 tas-seklu li għadda “Konna bgħatna xi kantanti Maltin Milan – għax hawnhekk ma kienx hawn recording studios – biex jirrekordjaw l-ewwel diski Maltin”.

Huwa kompla jispjegalna li mbagħad dawn id-diski kienu jipproduċuhom fuq 78 — diska rqiqa, dak iż-żmien tal-faħam, li kienet iddoqq b’78 RPM. Dawn kienu manifatturati lejn l-aħħar tas-seklu 19 sal-aħħar tas-snin 50 tas-seklu 20.

“Konna nġibuhom lura Malta u nbigħuhom. In-nies kienu jdoqquhom fuq il-gramophones,” temm D’Amato b’ċertu nostalġija kif ukoll b’sodisfazzjon.

Sport