Saturday, May 4, 2024

ARA: Iebsa biex torqod mingħajr tfal “ġo dar li għalihom taf li bnejt”

Kapitlu 13 u Liston b’kanzunetta ġdida dwar il-parental alienation

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Iebsa biex torqod ġo dar li għalihom taf li bnejt … m’iniex se nsolvi xejn jekk indawwar dan il-ħabel m’għonqi”. Il-karba ta’ missier li ma jistax jara lil uliedu minħabba sistema ġudizzjarja li baqgħet tagħti preferenza l-omm fejn tidħol il-kustodja tal-ulied.

Din hija l-aħħar kanzunetta ta’ Kapitlu Tlettax bl-isem ta’ ‘Nittama Fikom’, għal darba oħra bbażata fuq esperjenzi realistiċi ta’ missirijiet li temmew relazzjonijiet u spiċċaw jittamaw li jkunu jistgħu jaraw lil uliedhom. Il-lirika tal-kanzunetta tilħaq il-qofol f’appell lil dawn il-ġuvintur u rġiel li xi kultant jispiċċaw parti kbira mill-ġerħa tas-soċjetà fejn jidħlu każi ta’ suwiċidji. Il-missier li wara li flimkien mal-omm bnew struttura, issa jinsab maqbud f’ċirku fejn f’battalja bejn draguni bla tama li jerbaħ jinsab b’ħabel f’idejh jaħsibha jekk għandux jilgħab l-aħħar karta, anke jekk konxju li din mhi se twassal imkien.

“F’mument ħażin le tiddeċidix għax jiddispjaċik, af li tlift ħafna ħbieb li kellhom qalbhom tad-deheb ħadd minnhom ma ġie, tkun għami għal ftit, forsi xi kelma, tgħanniqa, spalla trid, żomm sod ħabib, ċempel meta trid”, tkompli l-lirika ta’ Kapitlu 13 f’appell b’saħħtu kontra din it-telfa ċerta ta’ dawk f’din il-battalja. Ċertament li l-akbar telliefa f’din il-battalja hija dik tal-ulied li ħafna drabi jispiċċaw f’baħar imqalleb jippruvaw jifhmu kif tkun ħajja f’familja b’żewġ ġenituri li jiffukaw l-imħabba tagħhom kollha fuqhom u mhux fuq ġlieda bla tarf

“Minn missier bit-tfal, spiċċa waħdu barra mid-dar … kien jaf li għalih il-Qorti kienet saret dar”, tkompli l-lirika filwaqt li bi produzzjoni grafika ta’ ‘Memorabilia Films’ tispikka x-xena tal-missier li għadu biss joħlom li jkun ħdejn uliedu u għalhekk jibqa’ ‘jittama’ li wliedu ma jibqax jarahom fuq ritratt.

Wara s-suċċess tal-aħħar kanzunetta tagħhom ‘Nibqa’ Nammirak’ fejn introduċew għall-ewwel darba fix-xena mużikali lill-artista femminili Christina Zahra, liema kanzunetta damet tliet ġimgħat sħaħ #1 Trending for Music fuq YouTube, din hija l-aħħar kanzunetta tagħhom għal din is-sena f’kollaborazzjoni ma’ Liston Bongailas. Dan tal-aħħar daħal fil-kollaborazzjoni wara s-suċċess tiegħu f’Malta’s Got Talent u X Factor fejn fost l-oħrajn b’kitba sentimentali għall-aħħar b’dedika speċjali lil ibnu, rnexxielu jisraq is-simpatija mhux biss tal-ġurija u l-udjenza, iżda anke tal-bqija tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-kanzunetta għandha produzzjoni ta’ Cyprian Cassar minn Somnio Recording Studios, bi promozzjoni t’Ironic PR & Artist Management.

Sport