Friday, November 22, 2024

ARA: Il-GWU attiva dwar il-ħaddiema barranin

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn min iħaddem u t-trejdunjins biex tkun regolarizzata s-sistema kollha ta’ ngaġġar u reklutaġġ ta’ ħaddiema ġejjin minn pajjiżi terzi. B’hekk jiġi assigurat illi l-ħaddiema li jkun hemm bżonn jinġiebu Malta ma jkunux sfruttati jew użati.

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja qal dan ma’ Talk.mt, filwaqt li stqarr li l-union tixtieq li jkun hemm distinzjoni bejn min iġib lil dawn il-ħaddiema, il-kumpaniji li jissuplixxu s-servizz u anka grupp ta’ kumpaniji oħrajn, li huma reġistrati u bil-permess, li joffru servizz ta’ impjiegi temporanji.

Is-Sur Bugeja saħaq li ħaddiema ġejjin minn pajjiżi terzi li qegħdin joffru servizz, ‘l hekk imsejħa tal-kuntrattur, jeħtieġ li jkunu regolarizzati sabiex ma nispiċċawx f’sitwazzjoni fejn ikun hawn abbużi, fosthom li jinġiebu ammont ta’ ħaddiema aktar milli meħtieġ, għal diversi raġunijiet.

Huwa żied jgħid li “s-sitwazzjoni tkun aktar kumplessa għax hawn qed niddiskutu u naraw is-sistemi li hemm barra ta’ kif jinġiebu l-ħaddiema. Irridu naraw li f’kuntest globali, anke minħabba t-traffikar uman, naraw li dawn il-ħaddiema jiġu hawn b’kundizzjonijiet xierqa, fejn hemm il-ħtieġa, u sabiex la l-impjegat ma jiġi abbużat u lanqas ma nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn ikun hawn aktar ħaddiema milli jkun hemm bżonn.”

Fil-kuntest ta’ dan kollu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU semma wkoll kif bħala unjin għamlu rapport dettaljat kemm mill-aspett politiku, dak legali, kif ukoll mill-aspett ta’ ħaddiema b’mod inġenerali dwar x’qed jiġri fuq il-postijiet tax-xogħol. Tenna wkoll il-prinċipju li ilha tisħaq fuqu l-GWU – ta’ ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur li għandu japplika għall-ħaddiema tal-kuntrattur.

Sport